Ambjent Lokali Parlament

“Nibqgħu naħdmu għal arja nadifa” – Adrian Delia

Il-PN se jibqa’ jaħdem favur poltika li tħares l-ambjent

L-importanza li nħarsu l-arja tagħna, li jkollna investiment, u li bħala nazzjon nippjanaw transport alternattiv, nadif u vijabbli – dan hu kruċjali biex inħarsu ħajjet il-Maltin minn arja fgata.

Dikjarazzjoni tal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta fil-Parlament indirizza l-EUFOREA Symposium il-Ġimgħa filgħodu.

“Irridu naħdmu flimkien biex insibu soluzzjoni aktar fattibbli u sostenibbli, li aħna naħsbu li għandha tkun is-sistema ta’ trasport tal-massa, li hemm bżonn aktar tħassib fuq l-affordabbilità tagħha iżda li hija bżonn”

Huwa qal li llum hemm kwistjonijiet oħra, partikolarment il-Cruise Liners, fejn “ir-rieda politika u leġiżlazzjoni waħedha, taf tagħmel differenz”. Dan għaliex iz-zoni tal-portijiet, Malta hija żgħira wisq, li zona bħal din taf tleħħaq kwart tal-pajjiż. Huwa qal li l-arja Maltija hija kontaminata b’kawża tal-fjuwils użati minn ċerti bastimenti

Adrian Delia tkellem dwar bosta temi li qed jolqtu lill-Maltin u l-Għawdxin fejn fost l-oħrajn ma setax ma jagħmilx referenza ghal kif l-istatistika qed turi li Malta ghandha l-aktar arja mniġġsa minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Huwa esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-politika tal-Gvern Soċjalista hija li jkun hemm tkabbir fil-popolazzjoni. Dan qed iħalli impatt fuq kollox, inkluż l-arja tagħna.

“Dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni aħna ma naqblux, jien u l-Prim Ministru, għax il-Prim Minisitru jrid iżid il-propserità ekonomika billi jżid il-popolazzjoni. Nirrispetta din l-opinjoni, madankollu nibża’ li din se tpoġġi aktar piż u pressjoni fuq l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa. Aħna gżira b’riħ qawwi, mingħajr l-ebda kapaċità massiva industrijali, però għandna l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa.”

L-isfida li għandha d-dinja u Malta hija t-tniġġis u l-isfida fl-Unjoni Ewropea hija waħda kbira. Huwa qal li l-arja tagħna qed tħalli impatt negattiv fuq il-bniedem, għax hija mniġġsa. Huwa insista li fost ir-riċerka u l-ħidma li qed twettaq l-Unjoni Ewropea dwar dan, il-pajjiżi membri jridu jaħsbu fuq it-triq ‘il quddiem biex iħarsu ħajjet il-bniedem.

“Irridu nżommu f’rasna li b’ċertezza x-xjenza, il-mediċina, esperti, teknoloġija jistgħu jgħinuna, iżda l-ewwel pass għandhom ikunu r-rieda ta’ bidla, bidla għall-aħjar”

Il-EUFOREA huwa l-Forum li jiddiskuti temi relatati mal-arja nadifa – incidentalment, tema li ukoll qed tinghata importanza kbira mill-PN f’din it-tieni gimgha ta’ akmpanja elettorali.

Ritratt: Martin Agius.