Futbol Sport

RITRATTI: Balzan jgħaddu mal-aħħar erbgħa b’gowl f’kull taqsima

(Ritratt: Joseph Galea)

TARXIEN RAINBOWS ………….. 0 BALZAN ……………… 2

Tarxien: A. Cassar, J. Wemmer, J. Cruz Gill, D. Zerafa (L. Grech 80’), M. Tabone (M. Paolucci 75’), J. de Paixao, G. Aquilina, A. de Barros, A. Agius (A. Nilsson 59’), S. Eddin Arab, R. Faria

Balzan: S. Mintoff, I. Bozovic, A. Kosoric,  N. Sljivic, S. Bezzina, P. Fenech, U. Ljubomirac (D. Camilleri 65’), S. Pisani, A. Majdevac, R. Correa (L. Micallef 88’), A. Effiong (S. Cipriott 71’)

Imwissija: M. Tabone 29’, S. Eddin Arab 36’ (T)

Skorjaw: A. Effiong 45’, R. Correa 63’ (B)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Dusan Petrovic

Attendenza: 195

Gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima witta t-triq għal Balzan hekk kif għaddew għas-semifinali b’rebħa ta’ 2-0 fuq Tarxien Rainbows li b’hekk temmew l-istaġun tagħhom. It-tim ta’ Jacques Scerri kien ġej minn telfa umiljanti ta’ 5-1 kontra Hibernians. Dan ir-riżultat ħallihom bogħod mir-raba’ post u għalhekk għandhom bżonn ir-rebħ tal-FA Trophy biex jidħlu fl-Europa League. Tarxien baqgħu ma sabux kaptu tal-avversarji hekk kif fil-kampjonat tilfu wkoll iż-żewġ logħbiet li lagħbu kontrihom.

Balzan ħolqu l-ewwel azzjoni wara 17-il minuta b’xutt ta’ Uros Ljubomirac li spiċċa barra. Ħdax-il minuta wara Andrija Majdevac falla ċans tajjeb meta wara li daħal fil-kaxxa pprova jaqbeż lil Andrea Cassar iżda l-ballun spiċċa barra.

Kien fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima li Balzan fetħu l-iskor meta ALFRED EFFIONG rċieva l-ballun u b’ħarba tipika tiegħu daħal fil-kaxxa u qabbeż fuq Cassar. Dan il-gowl ippermetta lil Balzan biex jikkontrollaw aħjar il-logħba, b’Tarxien joħolqu l-ewwel periklu wara 62 minuta b’korner dirett ta’ Jackson De Paixao li kien imdawwar f’korner.

Balzan serrħu rashom mill-kwalifikazzjoni ftit sekondi wara b’passaġġ tajjeb ta’ Uros Ljubomirac lejn RICARDO CORREA li dar ma’ Andrea Cassar u skorja f’lasta vojta. Correa prova jkabbar l-iskor kwarta mit-tmiem iżda x-xutt tiegħu għadda barra. Balzan għalqu l-logħba b’ċans ieħor b’Andrija Majdevac jolqot il-lasta l-wieqfa mill-viċin.