Futbol Sport

Torino mċaħħda minn rebħa importanti b’gowl ta’ Cristiano Ronaldo

(Ritratt: EPA)

Gowl ta’ Cristiano Ronaldo evita telfa lil Juventus fid-Derby della Mole kontra Torino, draw li aktar hu ta’ benefiċċju għal Torino minħabba li qed jissieltu biex jiksbu post fl-Ewropa. Juventus b’dan id-draw tilfu l-opportunità li jilħqu l-100 punt, f’dak li kien it-tieni draw konsekuttiv għaċ-champions Taljani.

Torino fetħu l-iskor wara 18-il minuta meta minn throw-in ta’ Juventus, Miralem Pjanic ħalla l-ballun jgħaddi u taħt pressjoni tilef il-pussess, b’SASA LUKIC jirbaħ il-ballun u b’xutt mill-kaxxa għeleb lil Wojciech Szczesny. Juventus ġabu d-draw fl-84 minuta bi kross mix-xellug ta’ Leonardo Spinazzola jsib lis-solitu CRISTIANO RONALDO li għola waħdu u b’daqqa ta’ ras minn pożizzjoni favorevoli għeleb lil Salvatore Sirigu.