Lokali

Vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista jfisser vot għal Frans Timmermans li jrid armonizzazzjoni tat-taxxa fl-Ewropa kollha

Il-Partit Nazzjonalista ma jridx li jkun hawn armonizzazzjoni tat-taxxa madwar l-Ewropa kollha kif ħabbar Frans Timmermans, u mill-Parlament Ewropew se jibqa’ jaħdem biex il-pjan tas-Soċjalisti li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom rata korporattiva ta’ taxxa armonizzata ma jseħħx.

Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-MEP u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u s-Segretarja Internazzjonali tal-PN u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN. Vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ikun ifisser vot għal Frans Timmermans, li huwa l-kandidat tas-Soċjalisti (S&D) għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u li jrid idaħħal rata korporattiva armonizzata ta’ taxxa madwar l-Ewropa kollha.

Jekk il-pjan ta’ Timmermans iseħħ ikun hawn repurkussjonijiet kbar u impatt ferm negattiv fuq l-impjiegi f’bosta setturi ekonomiċi f’Malta, b’mod partikolari fis-servizzi finanzjarji u l-gaming. Kien is-Soċjalist Frans Timmermans innifsu li żvela dan il-pjan waqt dibattitu f’Maastricht. Mario de Marco qal li qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Gvern Nazzjonalista kien innegozja d-dritt li jkun pajjiżna li jieħu d-deċiżjonijiet dwar is-sistema tat-taxxa f’Malta.

Huwa qal li l-Gvern Nazzjonalista kien iddiskuta u kkonvinċa li għandu jkun u jibqa’ pajjiżna stess li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tan-negozji Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant fl-aħħar snin diversi esponenti fl-Unjoni Ewropea bdew kampanja biex deċiżjonijiet dwar it-taxxa ma jibqgħux jittieħdu fuq livell nazzjonali, iżda jibdew jittieħdu fuq livell Ewropew, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ma jridx u se jibqa’ jinsisti li ma sseħħx. Roberta Metsola qalet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien konsistenti fuq il-politika fiskali u li din għandha titħalla f’idejn kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-appoġġ li l-Partit Soċjalista qed jagħti lil Timmermans mhux fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Hija qalet li ftit tax-xhur ilu, s-Soċjalisti Ewropej li tagħhom huwa membri l-Partit Soċjalista Malti għamlu minn kollox biex il-Parlament Ewropew jiddeskrivi lil Malta bħala tax haven, xi ħaġa li ma seħħitx biss għaliex kienu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista li kkonvinċew MEPs oħra li dan mhux minnu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex pajjiżna jibqa’ jiddeċiedi hu dwar it-taxxa.


Roselyn Borg Knight qalet li l-Partit Nazzjonalista dejjem ġab lejn Malta setturi ekonomiċi innovattivi u li joffru xogħol ta’ kwalità b’pagi tajbin, fosthom il-farmaċewtika, l-avjazzjoni, l-gaming u s-servizzi finanzjarji. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-valuri u l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin u dan se jkun qed jagħmlu wkoll permezz tal-proposti konkreti fil-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Hija qalet li l-manifest elettorali tal-PN jinkludi proposti konkreti għat-tisħiħ tal-ekonomija fosthom li l-MEPs eletti f’isem il-PN se jservu ta’ ambaxxaturi ekonomiċi ta’ pajjiżna u jaħdmu biex iġibu oqsma ekonomiċi ġodda ta’ valur miżjud li ma jkunux mibnija fuq iċ-cheap labour. Prezenti għall-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-MEP u kandidata għal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u s-Segretarja Internazzjonali u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali tas-Swieqi Noel Muscat u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħal Qormi Ralph Puli.