Futbol Sport

Fontanella jaqsam il-qlub tal-Pawlisti f’logħba storika u mill-isbaħ

Stewart Said

VALLETTA……………… 2

HIBERNIANS………….. 2

(Valletta jirbħu 4-2 bl-għoti tal-penalties)

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana (R. Camilleri 77’), J. Borg, R. Muscat (A. Monticelli 97’), S. Malano, M. Alba, M. Fontanella, K. Nwoko, B. Kaljevic (B. Gavrila 67’)

Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong, A. Agius, N. Radojevic (D. Abela 117’), I. Ntow, M. Barbosa (T. Tabone Desira 101’), B. Kristensen (D. Vella 68’), J. Grech, M. Sahanek, T. Fonseca, T. Marcolino

Imwissija: M. Alba 1’, R. Muscat 28’ (V), I. Ntow 2’ (H)

Skorjaw: T. Marcolino 12’, M. Sahanek 118’ (H), J. Caruana 59’, M. Fontanella 97’ (V)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Roberto Vella, Duncan Sultana

Il-mument Plejer tal-logħba: Enmy Pena Beltre (Valletta)

Attendenza: 9544

Mario Fontanella daħal fl-istorja ta’ Valletta meta skorja l-penalty deċiżiv li bih Valletta rebħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom u b’hekk laħqu lill-ġirien tagħhom Floriana fit-total ta’ kampjonati mirbuħa.

Logħba li ħalliet lil kulħadd fuq ix-xwiek u li żgur serviet ta’ riklam pożittiv għall-futbol Malti fl-akbar attendenza tal-istaġun u r-rivalità sportiva mill-isbaħ bejn Valletta u Hibernians. Il-logħba kellha ħafna episodji li dawru l-logħba.

Fl-ewwel taqsima, Valletta kellhom aktar pussess tal-ballun iżda bis-sistema dixxiplinata ta’ 4-1-4-1, Hibernians kienu dixxiplinati u kull meta bdew joħolqu attakk bdew ikunu perikolużi. Kien lejn tmiem li l-Pawlisti sabuha diffiċli joħorġu mill-qoxra difensiva.

Fit-tieni taqsima, Valletta kienu superjuri u tefgħu lil Hibernians fid-difiża, b’Henry Bonello ma jkunx impenjat. Bil-partita tmur fil-ħin barrani, Valletta skorjaw dak li seta’ kien il-gowl tar-rebħa iżda fl-aħħar kwarta tal-logħba, Valletta sofrew mill-għajja u dehru li se jsofru minn dak li ġara l-ġimgħa meta sofrew gowl lejn it-tmiem. Iżda Marco Sahanek li salva lil Hibs, falla l-ewwel penalty u witta t-triq għar-rebħa ta’ Valletta.

Għalkemm ħarġu fuq in-naħa telliefa, ma għandu jonqos xejn mill-mertu ta’ Hibernians li kellhom staġun mill-aqwa iżda xi ħadd ried jispiċċa rebbieħ. Huma se jfittxu vendetta sportiva l-Erbgħa li ġej fl-FA Trophy ukoll kontra Valletta.

Il-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius ħareġ b’formazzjoni aktar offensiva bl-attakkanti Mario Fontanella, Kyrian Nwoko u Bojan Kaljevic jibdew kollha mill-bidu. Neqsin mill-konfront preċedenti kontra Ħamrun kien hemm is-sospiż Joseph Zerafa u Ryan Camilleri li weġġa’ fl-aħħar logħba.

Żewġ bidliet ukoll għal Stefano Sanderra. Marcelo Dias ma laħaqx irkupra fil-ħin u Joseph Mbong kien irtirat fuq il-lemin tad-difiża. Bjorn Kristensen beda f’nofs il-grawnd u rritorna wkoll Nemanja Radojevic.

Valletta kellhom l-inizjattiva fl-ewwel minuti tal-logħba iżda kull meta Hibernians bdew jattakkaw bdew ikunu perikolużi. Wara ħames minuti l-Pawlisti kellhom gowl azzjoni perikoluża meta Bjorn Kristensen qabbeż fuq id-difiża lejn Jake Grech iżda l-assistent referee Roberto Vella għolla l-bandiera għal offside dubjuż.

Hibernians fetħu l-iskor fit-12-il minuta bi kross mix-xellug ta’ Isaac Ntow lejn l-iżmarkat TAYLON MARCOLINO li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Henry Bonello. L-attakkant għadda jiċċelebra quddiem il-partitarji ta’ Valletta u mar lejn in-naħa ta’ Hibernians fejn anki libes maskla partikolari.

Ir-risposta ta’ Valletta waslet żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Miguel Alba li għadda barra. Valletta appellaw għal penalty fit-18-il minuta għal xutt ta’ Enmy Pena Beltre li iżda ħabat ma’ wiċċ Tiago Fonseca.

Il-pussess tal-ballun kien aktar għand Valletta iżda kull meta Hibernians bdew jattakkaw kienu perikolużi. Fid-19-il minuta ħadu vantaġġ minn żball ta’ Valletta u bnew kontrattakk b’Marcolino jiftaħ fuq ix-xellug lejn Jake Grech iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn Bonello.

It-tim ta’ Gilbert Agius mar qrib żewġ minuti wara, bi kross ta’ Alba indirizzat lejn Kyrian Nwoko li prova b’ġest akrobatiku iżda t-tentattiv ma kienx b’saħħtu biżżejjed u Jovicic salva. Okkażjoni oħra għal Valletta fis-27 minuta bi kross ta’ Mario Fontanella lejn Pena Beltre iżda x-xutt mill-ewwel tiegħu kien żbaljat.

Hibernians għal ftit ma kellhomx it-tieni gowl fuq platt fis-27 minuta meta Steve Borg qassam ballun lura qasir u ppermetta lil Marcolino jiġri wara l-ballun iżda Henry Bonello ħareġ fil-ħin u blokka tajjeb, biex minuta wara l-gowlkiper Belti salva xutt mix-xellug ta’ Ntow.

Miguel Alba kellu free-kick fil-35 minuta li kien ċentrali u salvat minn Jovicic iżda tmien minuti wara ċans tad-deheb meta laqat il-ballun ħażin mill-qrib u xxuttja barra. Valletta għalqu t-taqsima fuq l-attakk u fil-ħin miżjud kellhom żewġ okkażjonijiet.

L-ewwel kien free-kick ta’ Malano li kien blokkat u mill-viċin Nwoko, Kaljevic u Steve Borg naqsu li jikkonkludu biex ftit wara xutt fil-baxx ta’ Fontanella kien salvat minn Jovicic.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħadu l-kontroll tal-logħba u tefgħu lil Hibernians fil-fażi difensiva. Huma resqu qrib il-gowl fl-54 minuta bi kross mix-xellug ta’ Alba fuq it-tieni lasta lejn Bojan Kaljevic li prova bir-ras iżda Jovicic dawwar f’korner.

Valletta żiedu l-pressjoni u meritatament ġabu d-draw fid-59 minuta f’azzjoni twila. Kien korner ta’ Alba mil-lemin, Jovicic salva żewġ daqqiet ta’ ras, l-ewwel fuq Nwoko imbagħad fuq Malano, Kaljevic u Barbosa fi dwell bejniethom bil-ballun jaħbat mal-mimduda, bil-captain JONATHAN CARUANA jixħet il-ballun fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji Beltin.

Dan il-gowl ta saħħa ġdida lil Valletta li komplew jattakkaw u fis-67 minuta xutt ta’ Mario Fontanella kien blokkat tajjeb minn Jovicic biex ħames minuti wara xutt minn barra l-kaxxa tas-sostitut Gavrila għadda ftit barra. Lejn it-tmiem, kross destinat għal-lasta ta’ Rowen Muscat ġiegħel lil Jovicic idawwar f’korner b’diffikultà.

Il-partita kellha tkompli fil-ħin barrani iżda Valletta baqgħu superjuri. Kien fit-98 minuta li Valletta marru fil-vantaġġ meta Nwoko għadda ‘l quddiem lejn MARIO FONTANELLA li rebaħ dwell ma’ Marcio Barbosa u b’xutt fil-baxx għadda l-ballun taħt Jovicic. Hibernians kienu miftuħin u qabel tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani, Gavrila dawwar ballun mill-kaxxa fuq it-tieni lasta bil-konklużjoni tintemm ftit barra.

Hibernians kważi ġabu d-draw fil-108 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Fonseca destinata għal-lasta iżda Ryan Camilleri kien fil-pożizzjoni t-tajba u biegħed il-ballun fil-ħin. Valletta dehru aktar għajjiena mill-avversarji u fil-114-il minuta Marcolino ta l-illużjoni tal-gowl b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda ċentimetri barra.

Valletta setgħu għalqu l-logħba fil-117-il minuta b’azzjoni personali ta’ Kyrian Nwoko li min-nofs il-grawnd baqa’ għaddej anki jekk issikkat minn Andrei Agius u kif kien fil-kaxxa xxuttja iżda l-konklużjoni għaddiet ċentimetri barra.

Kif jiġri fil-futbol, wieħed ipatti qares għall-iżbalji hekk kif proprju minuta wara Hibernians ġabu d-draw u sfurzaw l-għoti tal-penalties. Dunstan Vella b’passaġġ preċiż fetaħ fuq il-lemin lejn MARCO SAHANEK li b’xutt fil-baxx minn qagħda ideali għeleb lil Henry Bonello.

Fl-għoti tal-penalties, Marco Sahanek għal Hibernians ra l-ballun jaħbat mal-wieqfa u Miguel Alba skorja għal Valletta. Jake Grech skorja għal Hibernians u Santiago Malano skorja għal Valletta. Tiago Fonseca skorja għal Hibernians u l-istess għamel Bogdan Gavrila. Taylon Marcolino ra l-ballun ikun salvat minn Henry Bonello biex Mario Fontanella skorja l-penalty deċiżiv u tefa’ l-partitarji ta’ Valletta f’dellirju ta’ ferħ.

Wara ċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa tal-plejers Beltin mal-partitarji tagħhom, il-captain Jonathan Caruana għolla l-ballun fl-għoli biex temm kampjonat mill-isbaħ li se jibqa’ jissemma fl-istorja tal-futbol Malti.