Futbol Sport

Arranġamenti tal-partitarji u tat-traffiku għall-partita Valletta v Hibernians

Il-Malta Football Association, flimkien mal-pulizija u l-klabbs involuti ppubblikat komunikat dwar l-arranġamenti tat-traffiku kif ukoll tal-partitarji rispettivi għad-decider għar-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier bejn Valletta u Hibernians fl-Istadium Nazzjonali li tibda fl-4.30pm.

Il-bibien tal-istadium se jinfetħu fis-2.00pm. Il-partitarji ta’ Valletta se joqogħdu f’West C (Enclosure) u Millenium D filwaqt li l-partitarji se joqogħdu f’West A (Enclosure) u North Stand (wara l-lasta). Il-partitarji newtrali għandhom joqogħdu f’Millenium F.

Il-bejgħ ta’ biljetti għas-settur Millennium D (Valletta) u North Stand (Hibernians) qed isir mill-klabbs rispettivi. Il-biljetti għas-setturi West A u West C inbiegħu kollha. Il-partitarji huma mħeġġa jixtru l-biljetti tal-partita minn qabel u jaħsbu kmieni biex imorru l-Istadium Nazzjonali fil-ġurnata tal-logħba. Mhux se jkun hemm bejgħ ta’ biljetti għas-settur Millennium E (Trophies Lounge).

Is-settur Millennium F hu riservat għall-partitarji newtrali. Persuni lebsin flokkijiet jew kull tip ta’ lbies relatat ma’ xi klabb lokali mhux se jitħallew jidħlu f’dan is-settur. Biljetti għall-istand riservata għall-partitarji newtrali (Millennium F) jistgħu jinxtraw online mis-sit elettroniku tal-MFA – www.mfa.com.mt – u mingħand Lion King Stationery ta’ Gwardamangia. Il-biljetti għas-settur Millennium D u North Stand jistgħu wkoll jinxtraw ukoll mis-sit elettroniku tal-MFA www.mfa.com.mt.

Il-partitarji ta’ Hibernians u dawk newtrali għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ tal-West Stand (Enclosure) u l-parti fejn tagħti għal Triq Durumblat. Fl-istess waqt huma avżati li jgħaddu min-naħa tal-Mosta (Durumblat). Il-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fin-naħa tal-Millennium Stand. Huma għandhom jgħaddu mill-Marsa fid-direzzjoni tal-Mrieħel u  Ħ’Attard, idealment min-naħa ta’ Dar Santa Katerina fi Triq il-Pitkali fid-direzzjoni tal-BOV Adventure Park u tal-MFCC/Millennium Stand.

Xarabanks tal-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw wara s-South Stand, faċċata tal-Gym tal-MFA biex ikunu jistgħu joħorġu min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Filwaqt li l-xarabanks tal-partitarji ta’ Hibernians għandhom jipparkjaw fiż-żona tan-North Stand fid-direzzjoni tat-Training Grounds tal-MFA.

It-triq li tagħti mir-roundabout tal-Imtarfa ħdejn iċ-Ċimiterju Militari lejn il-kumpless tal-Basketball u l-Millennium Stand ser tkun magħluqa għat-traffiku fid-direzzjoni tal-Istadium Nazzjonali. Il-partitarji ta’ Valletta jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom f’din it-triq li se tkun miftuħa għat-traffiku wara li tintemm il-partita. Fi tmiem il-logħba fl-Istadium Nazzjonali, l-ispettaturi ta’ Valletta fis-settur West C għandhom joħorġu mill-Millennium D.