Futbol Sport

Il-kampjonat lokali ġie deċiż b’decider disa’ darbiet

Edward Darmanin jevita gowl ċert minn daqqa ta' ras ta' Vassallo (Ritratt: In-Nazzjon Tagħna)
Illum tintlagħab l-għaxar decider fl-istorja

Fl-istorja tal-futbol Malti, il-kampjonat lokali ġie deċiż disa’ darbiet f’decider. Il-konfront tal-lum se jkun l-għaxar wieħed fl-istorja iżda se jkun l-ewwel wieħed bejn Valletta u Hibernians. Sliema Wanderers kienu fl-azzjoni seba’ darbiet minn disa’ okkażjonijiet u ħarġu rebbieħa f’sitt okkażjonijiet. St. George’s kienu skedati li jilagħbu erba’ darbiet filwaqt li Hibernians kellhom jilagħbu decider fi tliet logħbiet, iżda f’żewġ okkażjonijiet minnhom taw walk-over. Ħamrun Spartans, Marsa, Floriana u Birkirkara wkoll lagħbu decider.

4 ta’ Marzu 1917

L-ewwel decider għar-rebħ tal-kampjonat intlagħbet fl-4 ta’ Marzu 1917 wara li Sliema Wanderers u St. Georges spiċċaw it-tnejn bi tmien punti wara erba’ rebħiet u telfa. Din id-decider kienet sfurzata wara li Sliema Wanderers għelbu lil Ħamrun Spartans 2-0 b’gowls fl-ewwel taqsima minn Colley u Inglott. Ħamrun kellhom tliet gowls imħassra, bir-referee jkollu diffikultà jikkontrolla l-plejers. Fil-logħba deċiżiva, St. George’s rebħu 4-0 u kisbu l-uniku kampjonat tagħhom.

Kif Spiċċaw

                            L       R       D       T       F       K       Pti

St. George’s      5        4        0        1        5        1        8

Sliema W.             5        4        0        1        16      5        8

Ħamrun S.            5        3        1        1        13      6        7

Valletta U.            5        2        1        2        8        6        5

Floriana L.           5        1        0        4        4        12      2

Vittoriosa R.        5        0        0        5        1        12      0

St. George’s 1916/17 (Ritratt mill-ktieb Goals, Cups and Tears – I Volum)

5 ta’ Mejju 1918

Fl-istaġun ta’ wara, St. George’s u Ħamrun Spartans kienu l-favoriti li jirbħu l-kampjonat u spiċċaw biex kellhom jilagħbu decider bejniethom. St. George’s rebħu 1-0 kontra Valletta United u 3-1 kontra Cottonera u ngħataw rebħa mill-Kunsill fuq Floriana. Ħamrun bdew aktar b’mod kajman u spiċċaw 0-0 kontra Sliema Wanderers u Floriana iżda rebħu l-konfront dirett kontra St. George’s 4-0 f’waħda mill-aqwa logħbiet li ntlagħbu fil-Mile End.

Ħamrun komplew jirbħu b’rebħiet ta’ 3-2 fuq Paola Rovers, 2-1 fuq Cottonera, u 12-1 kontra Floriana Liberty. St. George’s rebħu wkoll il-logħbiet li fadlilhom b’rebħa ta’ 2-1 kontra Sliema Wanderers, 8-1 kontra Liberty u 3-0 kontra Paola Rovers biex spiċċaw it-tnejn bi 12-il punt. Id-decider intlagħbet fil-5 ta’ Mejju 1918 quddiem eluf ta’ partitarji. Il-logħba kienet missielta u eċċitanti iżda finalment Ħamrun Spartans rebħu 4-2 kontra St. George’s biex rebħu t-tieni kampjonat tagħhom.

L-istaġun 1929/30

Dan l-istaġun kien pjuttost partikolari hekk kif kien deċiż li jekk Sliema Wanderers u Old St. George’s jibqgħu fi dwell għar-rebħ tal-kampjonat, il-logħba deċiżiva tintlagħab fl-aħħar tal-programm ta’ logħob. Skont il-ftehim, il-logħba kellha tintlagħab fis-27 ta’ April iżda minħabba li kellu jiġi t-tim mill-Jugoslavja HASK, il-logħba tmexxiet b’ġimgħa, qabel il-logħba kontra Cottonera.

Old St. George’s ipprotestaw fuq bażi li nkiser il-ftehim. L-MFA qalet li kellha s-saħħa li tibdel jew tirranġa d-data tal-logħba u ordnat lil St. George’s jonoraw il-logħba. Il-logħba fl-20 ta’ April intlagħbet taħt protest. St. George’s ippreżentaw  iċ-ċertifikati mediċi li kellhom biss seba’ plejers fiżikament tajbin. Ir-riżultat kien 13-0, b’St. George’s jispiċċaw b’erba’ plejers. St. George’s appellaw bil-Kunsill jispiċċa jirriżenja wara li St. George’s heddew li jieħdu lill-Kunsill il-Qorti. Huma rriżenjaw fl-20 ta’ Mejju 1930 wara li ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Kunsill ġdid ġie fformat u laqa’ l-protest.

Ir-replay intlagħbet fl-1 ta’ Ġunju iżda ġiet abbandunata nofs siegħa mit-tmiem meta l-iskor kien 1-1. Tlett ijiem wara ltaqa’ l-Kunsill tal-MFA u ġie deċiż li l-logħba tintlagħab fit-22 ta’ Ġunju. It-tielet logħba ntlagħbet iżda spiċċat 3-3. Minħabba li l-istaġun kien dam wisq, ġie deċiż li r-raba’ logħba tintlagħab fil-bidu tal-istaġun il-ġdid. Għal raġunijiet tagħhom, Old St. George’s ma ffurmawx tim fl-istaġun 1930/31 u Sliema Wanderers kienu dikjarati rebbieħa.

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema W.             4        3        1        0        12      5        7

Old St. George’s  4        3        1        0        15      3        7

Valletta U.            4        1        1        2        6        10      3

Cottonera             4        0        1        3        2        10      1

Sliema R.              4        0        1        3        1        8        1

9 ta’ April 1933

Sliema u Hibernians kienu l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat fl-istaġun 1932/33. Wara li l-kampjonat kien wieqaf għal aktar minn xahar minħabba l-Christmas Tournament u l-Cassar Cup, il-kampjonat tkompla fis-26 ta’ Marzu bil-logħba bejn Sliema Wanderers u Hibernians tintemm 1-1 u għalhekk kien hemm bżonn decider.

Din il-logħba ntlagħbet fid-9 ta’ April. Hibernians ma kinux kuntenti minħabba li żewġ plejers tagħhom kien barra l-pajjiż man-Navy Ingliża. Hibernians talbu biex l-MFA tibdel id-data iżda l-Kunsill irrifjuta.

Hibernians għamlu kif kienu għamlu St. George’s u ppreżentaw iċ-ċertifikati mediċi li urew li seba’ mill-plejers tagħhom kienu ma jifilħux u ma kellhomx biex jilagħbu, b’Sliema jkunu dikjarati champions.

Minħabba l-kritika li rċeviet, xi ħadd kien ippropona li l-klabbs jilagħbu għal tazza sekondarja biex jiddeċiedu min hu superjuri. Il-logħba ntlagħbet fit-23 ta’ April iżda kienet destinata għall-inkwiet kif verament ġara. Dan l-inċident wassal għal rivalità bejn it-tnejn li laħqet il-quċċata fis-snin 50.

Kif Spiċċaw

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema W.             3        2        1        0        10      2        5

Hibernians           3        2        1        0        7        2        5

Sliema R.              3        1        0        2        4        11      2

Ħamrun S.            3        0        0        3        1        7        0

16 ta’ April 1934

Dan il-kampjonat kien partikolari għaliex ħames klabbs biss inkitbu biex jipparteċipaw. Iżda qabel il-poloz, Ħamrun Spartans u Sliema Rangers irtiraw mill-kompetizzjoni. Qormi St. George’s irtiraw ukoll wara kunflitt mal-MFA dwar reġistrazzjoni ta’ Pawlu Friggieri b’konsegwenza li Sliema u Hibernians kienu l-uniċi żewġ timijiet fil-kampjonat.

Ġie maqbul li jintlagħbu tliet logħbiet bejniethom u t-tim bl-aktar punti jirbaħ il-kampjonat. L-ewwel logħba ntemmet 2-2, Hibernians rebħu 2-1 it-tieni logħba iżda Sliema Wanderers rebħu 3-0 it-tielet logħba biex b’hekk kienet sfurzata decider. Iżda fl-14 ta’ April seħħet sorpriża meta Hibernians naqsu li jilagħbu d-decider minħabba li diversi plejers kienu mweġġgħin. Sal-Ġimgħa, il-Kunsill kien qed jittama li Hibernians kienu jonoraw il-logħba, iżda dan ma seħħx, b’Sliema jispiċċaw rebbieħa tal-kampjonat.

Kif Spiċċaw

                            L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema W.             3        1        1        1        6        4        3

Hibernians          3        1        1        1        4        6        3

31 ta’ Marzu 1940

Is-sitt decider għar-rebħ tal-kampjonat intlagħbet fl-1940. St. George’s u Sliema Wanderers spiċċaw b’16-il punt. Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, Sliema rebħu 7-0 kontra Msida St. Joseph filwaqt li St. George’s għelbu lil Valletta St. Pauls 4-1. St. George’s kienu diġà rebħu ż-żewġ logħbiet fil-kampjonat kontra Sliema iżda fil-ġurnata kienu Sliema li ħarġu rebbieħa 2-1 f’logħba milgħuba quddiem aktar minn 7,000 spettatur.

Kif Spiċċaw

                            L       R       D       T       F       K       Pti

St. George’s         10      7        2        1        22      7        16

Sliema W.            10      7        2        1        39      16      16

Melita                  10      5        0        5        17      20      16

Tigers                  10      3        3        4        15      14      9

Msida SJ              10      2        1        7        10      32      5

Valletta SP           10      1        2        7        11      25      4

Sliema Wanderers 1939/40 (Ritratt mill-ktieb Goals, Cups and Tears – III Volum)

28 ta’ April 1971

Kellhom jgħaddu 31 sena biex tintlagħab decider oħra għar-rebħ tal-kampjonat. Kemm Sliema kif ukoll Marsa rebħu l-aħħar logħba tagħhom u spiċċaw b’20 punt biex kellha tintlagħab logħba oħra għal min jirbaħ il-kampjonat.

Sliema rebħu l-logħba kontra Marsa 3-0. F’din il-logħba ħarġet l-esperjenza ta’ Sliema Wanderers iżda Marsa baqgħu konċentrati anki wara li kienu żewġ gowls minn taħt. Mario Schembri poġġa lil Sliema minn fuq, b’Vincent Vassallo u Franz Falzon jiskorjaw lejn it-tmiem. F’din il-logħba spikka wkoll Ronnie Cocks li kien strumentali biex Sliema rebħu d-19-il kampjonat.

Kif Spiċċaw

                            L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema W.           14      7        6        1        17      5        20  

Marsa                  14      7        6        1        15      6        20  

Gżira U.               14      6        5        3        16      11      17  

Hibernians         14      6        4        4        12      8        16  

Valletta               14      6        3        5        11      9        15  

Floriana             14      4        5        5        17      15      13  

Qormi                 14      2        2        10      7        23      6  

Żebbuġ R.          14      2        1        11      11      29      5 

Il-gowl ta’ Mario Schembri li poġġa lil Sliema Wanderers fil-vantaġġ (Ritratt: In-Nazzjon Tagħna)

21 ta’ Mejju 1972

Fl-istaġun ta’ wara, Sliema Wanderers kellhom jirbħu l-kampjonat f’decider oħra biex rebħu l-20 kampjonat. Din id-darba l-isfida prinċipali kienet mar-rivali Floriana u Valletta, bl-ewwel tnejn jispiċċaw b’26 punt, żewġ punti aktar minn Valletta.

Floriana kienu għelbu lil Sliema 2-0 fl-aħħar logħba tal-kampjonat u sfurzaw decider. F’din il-logħba, Charlie Galea tkeċċa kmieni fil-logħba wara li ġġieled ma’ Ronnie Cocks. L-iskor baqa’ 0-0 sal-ħin regolamentari u kompliet fil-ħin barrani. Sliema marru fil-vantaġġ fis-sitt minuta tal-ħin barrani b’xutt ta’ Ronnie Cocks minn barra l-kaxxa li ħalla lil Cortis iħares. Huma għalqu l-logħba erba’ minuti wara b’azzjoni tajba ta’ Hugh Caruana lejn Richard Aquilina li għeleb lil Cortis.

Kif Spiċċaw

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema W.           18      10      6        2        28      7        26  

Floriana             18      10      6        2        17      7        26  

Valletta               18      10      4        4        18      13      24  

Hibernians        18      5        8        5        11      11      18  

Birkirkara         18      4        9        5        17      12      17  

Gżira U.              18      5        7        6        12      12      17  

Marsa                 18      5        6        7        17      22      16  

Ħamrun S.          18      4        7        7        13      13      15  

Żebbug R.           18      3        7        8        16      32      13   

Qormi                 18      1        6        11      6        26      8

11 ta’ Mejju 2013

Għaddew 41 sena biex reġa’ kien hemm decider għal min ikun fil-quċċata tal-futbol Malti. Id-decider kienet ikkontestata minn Birkirkara u Hibernians f’dik li kienet l-ewwel decider milgħuba fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Birkirkara ġew inkurunati champions meta rkupraw minn gowl minn taħt biex rebħu 3-1 kontra Hibernians f’decider quddiem 9,252 spettatur fl-Istadium Nazzjonali. Din il-logħba kellha tintlagħab wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw bl-istess punti fi tmiem il-kampjonat.

Hibernians ngħataw penalty fit-32 minuta fost il-protesti ta’ Birkirkara meta r-referee Alan Mario Sant iġġudika li xutt djagonali ta’ Clayton Failla ħabat ma’ id Gareth Sciberras. CLAYTON FAILLA għeleb lil Justin Haber b’xutt b’saħħtu. Birkirkara ġabu d-draw fis-56 minuta meta Jean Pierre Mifsud Trigaza tefa’ kross mix-xellug lejn l-iżmarkat EDWARD HERRERA li għeleb Mario Muscat.

Gareth Sciberras jgħolli t-trofew wara r-rebħa ta’ Birkirkara fuq Hibernians (Ritratt: Net News)

L-Istripes marru fil-vantaġġ f’nofs it-tieni taqsima meta ngħataw free-kick b’NIKOLA VUKANAC jieħu vantaġġ minn ħarġa difettuża ta’ Mario Muscat u skorja b’daqqa ta’ ras. Birkirkara għalqu l-logħba fit-73 minuta b’gowl ta’ ZACH MUSCAT wara kross tajjeb ta’ Rowen Muscat fil-kaxxa. Fi tmiem il-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Birkirkara li qabżu fil-pitch fejn anki nħolqu xi argumenti li iżda ma kkawżawx periklu kbir.

Kif Spiċċaw

Championship Pool

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Birkirkara          32      19      9        4        62      22      45

Hibernians        32      21      4        7        72      34      45

Valletta               32      17      8        7        70      29      36

Sliema W.          32      16      6        10      48      32      36

Tarxien R.          32      14      6        12      53      51      29

Mosta                 32      11      2        19      45      72      18

Relegation Pool

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Floriana            32      14      10      8        48      38      38

Qormi                32      15      4        13      61      50      34

Balzan               32      9        9        14      48      61      23

Rabat A.            32      6        9        17      38      60      22

Ħamrun S.        32      6        5        21      39      88      14

Melita                32      4        8        20      31      78      13