Il-Gvern Soċjalista m’għandux pjan fit-tul għall-ambjent u dan qed jidher ċar fir-riżultati negattivi li pajjiżna qed jikseb minħabba l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla rażan. Dan kollu wassal biex qegħdin ngħixu f’pajjiż fgat u li l-Euronews spiċċaw jiddeskrivina bħala The dirty man of Europe minħabba n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern Soċjalista. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ambjent san li huwa essenzjali għall-kwalità tal-ħajja, biex inħarsu saħħitna u biex jiġu mħarsa setturi ekonomiċi li jiddependu fuq is-sostenibbilità tal-ambjent inkluż it-turiżmu. Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti konkreti fil-manifest elettorali għat-tisħiħ tal-ambjent ta’ pajjiżna u jrid ukoll li jkun hemm titjib fl-immaniġġjar tal-iskart u li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba, u li ħafna minnu jispiċċa fl-baħar tagħna li huwa riżorsa importanti għalina.
Jason Azzopardi qal li sfortunatament l-aħħar statistika turi kif pajjiżna spiċċa l-agħar fl-Ewropa fir-riċikaġġ tal-iskart u r-raba’ l-agħar fl-Ewropa fil-kwalità tal-arja, li qed tfisser ukoll spiża akbar fis-saħħa b’żidiet qawwija fl-imwiet relatat mal-mard respiratorju li huwa marbut mat-tniġġis fl-arja. Huwa qal li verament inkwetanti kif 600 persuna f’Malta jmutu minħabba mard relatat direttament mat-tniġġis tal-arja u dawn l-imwiet irduppjaw f’dawn l-aħħar tliet snin u dan apparti li ż-żieda qawwija fin-numru tal-karozzi u vetturi bil-mutur liċenzjati fit-toroq. Fl-istess waqt il-Gvern Soċjalista u l-Ministeru għall-Ambjent nefqu €700,000 f’reklamar u PR biex jippruvaw jgħattu dawn ir-riżultati ferm negattivi.
Michael Briguglio qal li mir-Rapport tal-Istat tal-Ambjent f’Malta jirriżulta li d-densità tal-popolazzjoni f’pajjiżna hija fl-ogħla livell li qatt kienet u fl-2015 il-produzzjoni tal-iskart kienet fl-ogħla livell li qatt kienet u matul dik is-sena Malta pproduċiet aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart perikoluż u ġie rriċiklat 7% biss tal-iskart kollu. Huwa qal li l-MEPs li se jiġu eletti f’isem il-PN se jaħdmu f’Malta u mill-Parlament Ewropew biex jaraw li pajjiżna ma jibqax jaqa’ lura mil-livelli ambjentali maqbula mal-Unjoni Ewropea biex kulħadd ikun jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan apparti proposti oħrajn biex pajjiżna jkun carbon neutral u jiżdiedu l-programmi u l-inizjattivi għal iktar tħawwil ta’ siġar, ikun hemm sistemi ta’ trasport alternattiv permezz ta’ investiment qawwi ta’ fondi Ewropej inkluż l-użu tal-programm InvestEU.
Flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Giorgio Schembri, l-kandidata għall-elezzjoni lokali fis-Swieqi Anna Pisani u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Birżebbuġa Stanley Zammit.
//= $special ?>