Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jagħti vuċi lil Għawdex u jħares l-aqwa interessi tal-Għawdxin

“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jagħti vuċi lil Għawdex u li jħares l-aqwa interessi tal-Għawdxin”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-preżentazzjoni tal-kandidati Għawdxin li se jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali f’Għawdex.

Adrian Delia qal li l-Partit Soċjalista qatt ma emmen fil-Kunsilli Lokali u għall-Prim Ministru Joseph Muscat, il-kunsilli qatt ma kienu ‘super favoriti’. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ l-partit tal-kunsilli lokali għaliex kien il-PN li waqqaf il-kunsilli u saħħahom u tagħhom il-poteri u r-responsabbilitajiet u l-fondi matul is-snin. Adrian Delia qal li kien il-Gvern Soċjalista li sentejn ilu ħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u issa ħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi fosthom tlieta f’Għawdex, li huma Marsalforn, ix-Xlendi u Santa Luċija li hija klassifikata bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li mill-Oppożizzjoni wkoll il-PN jinsab impenjat favur il-kunsilli tant li ppreżenta 80 proposta fir-riforma tal-Kunsilli Lokali, iżda hawnhekk ukoll il-Gvern Soċjalista kkonferma li ma jemminx fil-kunsilli u rema l-maġġorparti ta’ dawn il-proposti li setgħu jagħmlu veramet id-differenza fil-ħajja tan-nies. Dawn il-proposti kienu jinkludu diversi oqsma fosthom il-qasam soċjali, s-sigurtà u l-infurzar, il-finanzjament u l-fondi Ewropej.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsa li kien il-PN li ħareġ bl-idea u d-direzzjoni ċara dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex. Huwa qal li dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, il-Gvern Soċjalista m’għandux jagħmel kollox kif irid hu jew fl-għama iżda l-ewwel iridu jsiru r-rapporti kollha u jiġu ppubblikati u jkun hemm konsultazzjoni pubblika. Dan il-Gvern Soċjalista ma riedhomx għax irid li jiddeċiedi hu. Adrian Delia qal li l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ investiment serju fil-konnettività għax il-Gvern Soċjalista baqa’ qatt ma nvesta fir-raba’ vapur u lanqas daħħal il-fast ferry service.

Adrian Delia rringrazzja lill-kandidati kollha li se jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali f’isem il-PN fil-25 ta’ Mejju li ġej u qal li jinsab konvint li dawk li se jiġu eletti se jagħlu d-differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-familji Għawdxin.

Fl-istess attività tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalsita f’25 sena mhux biss welled il-kunsilli lokali imma saħħaħhom. Issa anke mill-Oppożizzjoni qed jagħti l-kontribut tiegħu wkoll. Il-Partit Nazzjonalsita welled il-kunsilli lokali għax emmen li jistgħu jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.

Tkellem ukoll il-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila. Huwa Frank Psaila sostana li Għawdex hemm bżonn li jingħata status ta’ reġjun biex jinġabu iktar fondi mill-EU lejn Għawdex. Huwa temm b’appell biex fil-25 ta’ Mejju l-elettorat Malti jagħti tbesbisa lill-Gvern biex jibdel l-attitudni tiegħu għax l-Għawdxin  qed iħossuhom minsija minn dan il-Gvern.