Lokali

Jitlesta r-restawr fuq il-Kurċifiss ta’ Ġieżu

Il-proċess ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu tlesta f’dawn il-ġranet.

L-Arċikonfraternita tal-Kurċifiss Mirakouż qabbdet lill-Arts Conservation Consortium, immexxi minn Christian Attard biex iwettaq ix-xogħlijiet ta’ restawr kif ukoll studji estensivi dwar l-aspetti storiċi u artistiċi tal-Kurċifiss, liema restawr kien iffinanzjat mill-Bank of Valletta.

Studji li fost oħrajn kienu jinkludu CT Scans u l-X-Rays tal-kurċifiss li b’mod ċar juru li, għalkemm ir-ras hija separata mill-ġisem, hemm numru ta’ msiemer li jidhru li qed jorbtu r-ras mal-ġisem.

Il-leġġenda tgħid li l-iskultur, Frate Innocenzo di Petralia sab ir-ras tal-istatwa kompluta – leġġenda li hija komuni fost numru sabiħ ta’ kurċifissi madwar id-dinja.

Kien proċess li wassal ukoll biex isir magħruf iżjed dwar Frate Innocenzo, l-artist tal-Kurċifiss. L-istorja tiegħu hija ddokumentata fix-xogħlijiet tiegħu. Jingħad li ħadem total ta’ 33 Kurċifissi, waħda għal kull sena tal-ħajja ta’ Ġesu Kristu u li l-irjus ta dawn il Kurċifissi kollha nstabu lesti mill-artist bħallikieku b’intervent mirakoluż.Leġġenda oħra tgħid li Frate Innocenzo, minn Petralia Sottana fi Sqallija kien isofri minn uġigħ kbir f’waħda minn għajnejh, u għalhekk insibu xewka mill-kuruna tgħaddi minn ġo għajn il-Kurċifiss ta’ Giezu.