Lokali

Malta tissemma’ f’evażjoni fiskali marbuta mal-bejgħ tat-tyres fl-Italja

Pajjiżna reġa’ ssemma’ mill-ġdid f’investigazzjoni kriminali li għaddejja fl-Italja, fejn inkixef ċirku ta’ persuni li kienu qed jevadu t-taxxa mill-bejgħ tat-tyres tal-vetturi.

Il-każ hu marbut ma’ kumpanija online tal-bejgħ tat-tyres, bis-sidien li ma kienu jużaw sistema magħrufa bħala drop shop. Dan ifisser li t-tyres li jinbiegħu ma kinux ikunu disponibbli f’xi maħżen partikolari iżda jiġu akkwistati u jinbiegħu kif tidħol id-domanda.

L-investigazzjoni s’issa wasslet għal sekwestru li jlaħħaq €7 miljun fil-konfront ta’ żewġ sidien tal-kumpanija li nstab li kienu qed jiddepożitaw il-flus f’kontijiet bankarji f’Malta u r-Rumanija biex jaħbu d-dħul tagħhom.

S’issa jidher li fl-aħħar 18-il xahar, il-kumpanija tagħhom biegħet b’€44 miljun, fil-maġġoranza tagħhom mill-bejgħ ta’ tyres tal-karozzi imma wkoll apparat elettroniku. Minn dan il-bejgħ, ma ħallsux imqar Ewro f’taxxi.

Madankollu l-klijenti li kienu jixtru mingħandhom, kienu qed iħallsu prezz li kien jinkludi wkoll it-taxxa. Ladarba l-flus mit-taxxa ma kinux qed jgħaddu għand il-Gvern Taljan, eventwalment kienu jżommuha s-sidien tal-kumpanija.