Futbol Sport

Atalanta eqreb li jikkonfermaw ir-raba’ post b’rebħa f’konfront dirett kontra Lazio

(Ritratt: EPA)

Atalanta jinsabu viċin aktar minn qatt qabel jtemmu fir-raba’ post li jfisser post fiċ-Champions League. Huma għelbu lil Lazio barra minn darhom f’konfront dirett, b’Roma jispiċċaw draw f’Ġenova. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Frosinone huma matematikament relegati għas-Serie B wara d-draw kontra Sassuolo.

EMPOLI – Empoli kisbu rebħa importanti fit-tentattiv li jsalvaw posthom fis-Serie A meta għelbu lil Fiorentina 1-0 fid-derby tat-Toscana. Il-gowl importanti wasal fl-54 minuta meta minn kross mil-lemin kien DIEGO FARIAS li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Alban Lafont.

ĠENOVA – Roma kienu qrib rebħa importanti li żżid it-tama għar-raba’ post iżda fl-istess ħin kienu viċin ħafna telfa. Il-Giallorossi kienu marru minn fuq fit-82 minuta meta Edin Dzeko għadda b’daqqa ta’ ras lura lejn STEPHAN EL SHAARAWY li għeleb lil Andrei Radu b’xutt mill-ewwel fil-baxx. Genoa ġabu d-draw fid-90 minuta b’korner mil-lemin isib lil CRISTIANO ROMERO li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Antonio Mirante. Huma saħansitra rebħu penalty fl-94 minuta iżda wara li għamel il-fawl, l-istess Mirante salva l-penalty ta’ Antonio Sanabria.

RUMA – Tkompli toqrob dik li sa ftit ilu kienet ħolma ta’ Atalanta li jilagħbu fiċ-Champions League staġun ieħor. Din id-darba huma għelbu lil Lazio 3-1 barra minn darhom u prattikament qatgħu lil Lazio li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa. Kien MARCO PAROLO li poġġa lil Lazio minn fuq wara tliet minuti b’xutt fil-baxx iżda l-attakkant prolifiku DUVAN ZAPATA ġab id-draw fit-22 minuta meta kkontrolla fil-kaxxa xutt ta’ Remo Freuler u skorja b’xutt fil-baxx. Atalanta marru minn fuq fit-58 minuta bi kross mill-kaxxa ta’ Alejandro Gomez li għadda tul il-lasta b’TIMOTHY CASTAGNE jiskorja f’lasta prattikament vojta. Huma għalqu l-logħba fis-76 minuta b’awto-gowl ta’ Wallace wara korner mil-lemin.

PARMA – Parma u Sampdoria qasmu bejniethom sitt gowls fi Stadio Tardini. MARCELLO GAZZOLA poġġa lil Parma minn fuq wara żewġ minuti meta kompla għal ġewwa wara azzjoni ta’ Gervinho. FABIO QUAGLIARELLA ġab id-draw fit-28 minuta minn penalty mogħti ċentrali, biex GREGOIRE DEFREL tefa’ lil Sampdoria minn fuq għaxar minuti wara b’xutt minn rebound. FABIO QUAGLIARELLA kabbar il-vantaġġ fil-61 minuta b’xutt mill-kaxxa, iżda Parma wettqu reazzjoni u ġabu d-draw. L-ewwel kien penalty minn JURAJ KUCKA sitt minuti wara biex fil-71 minuta ALESSANDRO BASTONI skorja mill-kaxxa ż-żgħira.

SASSUOLO – Frosinone ngħaqdu ma’ Chievo bħala tim relegat wara draw ta’ 2-2 kontra Sassuolo fil-Mapei Stadium. PAOLO SAMMARCO fetaħ l-iskor għal Frosinone wara tmien minuti b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa biex LUCA PAGANINI rdoppja fis-36 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner. GIAN MARCO FERRARI daħħal lil Sassuolo fil-logħba fis-66 minuta b’konklużjoni mill-viċin u JEREMIE BOGA ġab id-draw fis-77 minuta b’xutt mill-kaxxa ż-żgħira.

NAPLI – Napoli kkonfermaw it-tieni post matematikament wara li kisbu rebħa lej it-tmiem fuq Cagliari fi Stadio San Paolo. LEONARDO PAVOLETTI poġġa lil Cagliari minn fuq fit-63 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa. In-Naplitani wettqu reazzjoni lejn it-tmiem u l-ewwel ġabu d-draw fil-85 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ DRIES MERTENS biex LORENZO INSIGNE skorja l-gowl tar-rebħa fit-98 minuta minn penalty.

Tags