Futbol Sport

Allegazzjoni serja minn Taylon Marcolino li kien offrut flus biex ma jilgħabx is-Sibt li għadda

(Ritratt: Joseph Galea)

L-attakkant ta’ Hibernians Taylon Marcolino għamel allegazzjoni serja hekk kif fil-profil tiegħu fuq Facebook allega li xi ħadd bagħat persuna d-dar tiegħu biex joffrilu somma ta’ flus biex ma jilgħabx id-decider tas-Sibt għar-rebħ tal-kampjonat bejn Valletta u Hibernians. F’din il-logħba, Marcolino skorja l-gowl tal-vantaġġ għal Hibernians wara 12-il minuta u mal-gowl ċċelebra quddiem il-partitarji ta’ Valletta b’mossa ta’ tiġieġa. Fuq Facebook, Marcolino spjega ċ-ċelebrazzjoni tiegħu b’referenza għal din il-persuna. Hu żied li jħobb il-futbol u jħobb jiskorja u qatt mhu jbigħ lilu nnifsu.

L-akkuża tiegħu tneħħiet minn fuq Facebook ftit ħin wara li kienet ippubblikata u jidher li l-plejer għalaq ukoll il-profil tiegħu. Skont ir-regoli tal-futbol, plejer għandu 48 siegħa ċans biex jagħmel rapport inkella hu wkoll ikun fil-mira ta’ passi dixxiplinarji. Jidher li sa issa Marcolino ma għamel l-ebda rapport uffiċjali li ġie avviċinat biex jaċċetta l-flus b’korruzzjoni. Il-programm sportiv ta’ Net Television Replay staqsa lill-MFA jekk sarx rapport uffiċjali mill-plejer, iżda ma kienx hemm ċaħda jew konferma ta’ dan.

B’referenza ta’ din l-aħbar, il-Malta Football Association ħarġet stqarrija qasira fejn qalet li l-Integrity Officer u l-Prosekutur tal-MFA qed jaraw dan il-każ filwaqt li l-pulizija hi nfurmata.

Ir-rivalità bejn Hibernians u Valletta se terġa’ tiġġedded l-Erbgħa li ġej meta ż-żewġ timijiet jiltaqgħu fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy.