Wara li kellha l-unur li tirrapreżenta ‘l Malta fil-Eurovision Song Contest, rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, ikklasifikat mal-ewwel 3 kemm fl-Għanja tal-Poplu kif ukoll fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija kif ukoll ħarġet 3 albums b’ħoss distint, Miriam Christine tista’ tgħid li kellha karriera mżewqa b’naqra minn kollox li ssolidifat postha bħala waħda mill-aqwa kantawturi f’Malta.
Għalhekk, m’għandux ‘l għala wieħed ikun sorpriż li l-kantawtriċi t’40 sena kienet lura fl-istudjow f’dawn l-aħħar xhur, tpoġġi flimkien album ta’ kanzunetti oriġinali, l-ewwel waħda minnhom Bi Ftit Kliem, li tagħha hija kitbet kemm il-lirika u l-mużika.
Għalkemm assenti mix-xena tal-mużika lokali wara l-parteċipazzjoni tagħha fl-Għanja tal-Poplu 2016, Miriam Christine żammet ruħha impenjata għall-aħħar dan l-aħħar, billi ħadet sehem f’musical oriġinali “In-Naħal tal-Imħabba”, fuq kitba ta’ Philip Vella, flimkien ma’ Annabelle Vella u Dario Bezzina filwaqt li kellha bosta stediniet fuq programm tat-televixin b’rispons qawwi għall-kanzunetti oriġinali mill-katalgu tagħha.
Mgħejjun minn vidjow mużikali maħluq mill-produttriċi / direttriċi Shirley Spiteri Mintoff ta’ Motion Blur, il-kanzunetta tnediet uffiċjalment fuq it-telvixin, u fuq linternet fis-6 ta’ Mejju, Dan kien possibbli bis-saħħa ta Ironic PR & Artist Management.
Fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, Miriam se tkun qed tippromwovi Bi Ftit Kliem fuq it-televixin, ir-radju u anke s-siti ta’ midja soċjali, minħabba li l-interess huwa wieħed pjuttost għoli. Għal aktar informazzjoni dwar Miriam Christine kif ukoll ilkanzunetta l-ġdida, żurha fuq is-siti uffiċjali tagħha fuq Facebook, Twitter, u Instagram.
//= $special ?>