Futbol Sport

Ġmiel ta’ gowl minn Kompany iressaq lil Manchester City qrib il-kampjonat

(Ritratt: Premier League

Ġmiel ta’ gowl ta’ Vincent Kompany mexxa lil Manchester City rebħa bogħod mill-kampjonat meta tħabtu biex għelbu lil Leicester 1-0 fl-Etihad Stadium u reġgħu jinsabu punt fuq l-isfidanti Liverpool. Manchester City tħabtu biex jinfdu lid-difiża ta’ Leicester u kellu jkun id-difensur u captain tal-klabb li skorja l-gowl tar-rebħa fis-70 minuta b’xutt mill-isbaħ  minn 30 metru li spiċċa fir-rokna ta’ fuq u ma tax ċans lil Kasper Schmeichel isalva.

Din ir-rebħa kienet it-13-il waħda konsekuttiva fil-kampjonat u jfisser li Manchester City jistgħu jsiru l-ewwel tim f’għaxar snin li jirbħu t-titlu b’mod konsekuttiv, dejjem jekk jirbħu kontra Brighton fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Ir-rebħa ta’ Liverpool kontra Newcastle kompliet tpoġġi l-pressjoni fuq iċ-champions Ingliżi hekk kif kienu jafu li rebħa biss tħalli d-destin tagħhom f’idejhom.

Leicester setgħu marru minn fuq wara disa’ minuti iżda Kompany blokka tajjeb ix-xutt perikoluż ta’ Ricardo Pereira. Schmeichel kien strumentali għal Leicester fit-33 minuta b’reazzjoni mill-aqwa biex ċaħħad id-daqqa ta’ ras ta’ Sergio Aguero milli tidħol fix-xibka, bit-teknoloġija fuq il-linja tindika li l-ballun ma daħalx kollu.

B’Manchester City ifallu diversi okkażjonijiet, l-ansjetà fl-Etihad Stadium bdiet tikber. Leicester bdew joperaw bil-kontrattakk b’James Maddison u Jamie Vardy joffru theddida lid-difiża avversarja. Wara l-gowl mill-isbaħ ta’ Kompany, l-eks Kelechi Iheanacho għal ftit ma ġabx id-draw fis-87 minuta iżda x-xutt tiegħu għadda barra.