Futbol Sport

Iker Casillas joħroġ mill-isptar wara li kien sofra minn attakk ta’ qalb

(Ritratt: EPA)

Il-gowlkiper ta’ Porto Iker Casillas ħareġ mill-isptar ħamest ijiem wara li sofra minn attakk ta’ qalb waqt it-taħriġ. Casillas ittieħed l-isptar l-Erbgħa filgħodu wara l-inċident li seħħ fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta’ Porto. Casillas li jagħlaq 38 sena aktar tard dan ix-xahar għadda minn testijiet u interventi mediċi, bil-klabb ta’ Porto jikkonferma li l-problema tal-qalb ġiet solvuta.

“Ftit jiem ilu għaddejt minn sitwazzjoni diffiċli, xi ħaġa li tista’ tiġri f’kull mument fil-ħajja, imma fortunatament ninsab tajjeb. Ninsab grat u nħossni li jien fortunat ħafna. Grazzi li dawk li ħadu ħsiebi u nista’ biss noħroġ minn din is-sitwazzjoni bi tbissima.” L-Ispanjol li lagħab 167 logħba mat-tim nazzjonali, qal li jinsab ħafna aħjar u kompla li issa jistrieħ għal ftit ġimgħat jew xhur iżda żied li l-aktar ħaġa importanti hi li jinsab hawn magħhom, jista’ jitkellem u jgħid lil kulħadd kif inhu u kif qed iħossu.

It-tabib ta’ Porto Nelson Puga jemmen li Casillas se jirkupra kompletament iżda qal li għadu kmieni biex jgħid jekk hux se jerġa’ jilgħab b’mod professjonali. “Jiddependi fuq il-medikazzjoni li jkun irid jieħu, fuq l-evalwazzjoni tat-talbiet fiżiċi kif ukoll fuq ir-rieda li jkompli jilgħab,” żies Puga.

Casillas ingħaqad ma’ Porto fl-2015 wara 16-il sena ma’ Real Madrid. Hu rebaħ il-Primeira Liga ma’ Porto l-istaġun li għadda u riċentament iffirma kuntratt ġdid sa tmiem l-istaġun li ġej b’għażla għal sena oħra.