“Flimkien għal pajjiżna tfisser ukoll flimkien għall-Kunsilli Lokali u għalhekk qed inniedu aktar minn 2,000 proposta mqassmin fuq il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex,” hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli meta llum nieda l-programmi elettorali tal-PN għal kull wieħed u waħda mit-68 lokalità f’Malta u Għawdex.
Clyde Puli qal li għall-Partit Nazzjonalista l-Kunsilli Lokali dejjem kienu l-favoriti tiegħu għax, għall-kuntrarju tal-Partit Soċjalista, dejjem emmen fihom b’konvinzjoni u mhux b konvenjenza. Il-proposti jinkludu ideat sabiex il-Kunsilli Lokali jagħmlu l-qabża ta’ kwalità li jmiss bħal Gvernijiet Lokali. Fost il-proposti hemm it-tisħiħ tal-komunitajiet tagħna, tisħiħ tal-identità, it-tisbiħ ambjentali, social impact assesments, night shelters u day care centers għal kull lokalità u community policing li jkun ta’ wens għar-residenti.
Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq 80 proposta ġenerali għal Kunsilli Lokali aħjar, li ħafna minnhom ma ġewx milqugħa mill-Gvern Soċjalista. Huwa qal li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli tħassru biss mill-Partit Soċjalista, meta ħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi (Hamlets) u sentejn ilu ħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli ta’ nofs Malta u Għawdex.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, il-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar kien hemm preżenti wkoll id-Direttur tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello, s-Sindku u kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Mosta Keith Cassar u s-Sindku u kandidat għall-elezzjoni f’Tas-Sliema Anthony Chircop.
