Infaħħar id-deċiżjoni tal-Qorti Torka li twaqqa’ s-sentenza ta’ ħabs kontra l-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker li kienet qed taffaċċja sentenza ta’ 13-il xahar priġunerija wara li b’mod fattwali rrappurtat il-Paradise Papers u kixfet il-kumpaniji li nies fil-poter fit-Turkija kellhom barra l-pajjiż.
L-akkużi kontra Pelin Ünker kienu nkwetanti għaliex min għamilhom kien diġà ammetta li dak li kien irrappurtat kien veru. L-infurzar tas-sentenza kien iwassal biex l-omm tkun separata mit-tarbija. Jiena ħdimt biex dawk l-akkużi kontra Pelin Ünker jitwaqqgħu u żort il-ġurnalista f’Istanbul fi Frar fejn iltqajt ukoll mat-tim legali tagħha.
Ünker ġiet Malta bħala mistiedna u attendiet għal attività li organizzajt dwar il-libertà fil-midja u tkellmet waqt il-velji għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ix-xahar li għadda ppreżentajt dikjarazzjoni dwar Ünker iffirmata minn aktar minn 65 MEP lill-Ambaxxatur Tork f’Malta. Il-libertà tal-midja hi fundamentali għad-demokrazija. Ma nistgħux ngħalqu għajnejna meta l-ġurnalisti investigattivi qed ikunu persegwitati għax jagħmlu xogħolhom.
//= $special ?>