Kellu jkun it-tifel ta’ Rosario Sapienza, wieħed mill-vittmi tal-inċident tal-iskuna tas-sajd Taljana li nqalbet ‘il barra minn Marsaskala, li jidentifika l-katavru ta’ missieru.
Fabio Sapienza, Sqalli ta’ 29 sena li kien abbord l-istess skuna bl-isem ta’ Zaira iżda li rnexxielu jgħum sax-xatt u jsalva, intalab jidentifika wkoll il-katavru ta’ Toumi Zakaria, Marokkin ta’ 29 sena li wkoll kien magħhom.
Dan tal-aħħar, skont il-midja fi Sqallija, kien residenti b’mod regolari f’Sirakuża. Il-persuna l-oħra li salvat kienet identifikata bħala Sandro Merlino, hu wkoll Sqalli ta’ 29 sena.
Fl-aħħar sigħat f’pajjiżna waslet ukoll il-mara ta’ Rosario, Barbara Scollo biex tkun qrib binha u ssellem il-memorja ta’ żewġha. Ġurnali Sqallin jirrakkuntaw mumenti ta’ emozzjoni qawwija, bit-tifel, Fabio, li fl-isptar Mater Dei beda jolfoq u għajjat li jrid lil missieru.
Is-Sindku ta’ Sirakuża, Freancesco Italia, iddikjara li pajjiżu qed jibki għat-telfa ta’ wliedu. “Li wieħed jitlef ħajtu waqt li qed jagħmel xogħlu hi traġedja fi traġedja,” iddikjara s-Sindku.
S’issa, dwar il-mewt tas-sajjieda ma jidhirx li hemm suspetti u l-investigaturi qed jimxu mat-teorija li l-vittmi kienu fuq il-baħar għal raġunijiet ta’ sajd qabel fittxew il-kenn qrib Malta meta tqawwa’ l-mewġ. Dan anke għaliex il-familja Sapienza hi magħrufa fi Sqallija bħala waħda li storikament hi marbuta mas-sajd.
Sfortunatament, madankollu, mill-inqas tliet mewġiet qawwija f’ħin qasir ħasdu lis-sajjieda u qalbu l-istess skuna bil-konsegwenza li l-erba’ persuni spiċċaw fil-baħar.Hekk kif jitlestew l-investigazzjonijiet, il-Kunsill ta’ Sirakuża ddikjara li lest jgħin anke finanzjarjament biex il-katavri ta’ Rosario u Toumi jirritornaw lura lejn Sqallija.