Lokali

Is-sajjied li salva mill-għarqa b’akkużi serji: “Bgħatt 15-il SOS lill-awtoritajiet Taljani u ma tawx kasna”

Is-sajjied Sqalli Fabio Sapienza, li salva mill-għarqa wara li l-iskuna tas-sajd li kien abbord tagħha nqalbet ‘il barra minn Marsaskala, akkuża lill-awtoritajiet Taljani li abbandunawhom.

F’kummenti lil TGR ta’ Sqallija, Fabio Sapienza qal li ma jistax jifhem għaliex avża lill-awtoritajiet Taljani li kienu qed jegħrqu imma dawn m’għamlu xejn.

“L-awtoritajiet Taljani, minflok ċemplu lill-Pulizija f’Malta u talbuhom jiġu jsalvawna, ċemplu lil marti fit-tlieta ta’ filgħodu. Kienet id-dar, ara fejn tridha tkun taf x’qed jiġri fil-baħar,” iddikjara emozzjonat Sapienza.

Iddikjara li kieku l-awtoritajiet Taljani ħadu azzjoni immedjata, iż-żewġ persuni li kienu mitlufa fil-baħar setgħu jiġu salvati. Minflok, il-Maltin bdew il-ħidma ta’ salvataġġ iktar minn siegħa wara l-inċident, malli saru jafu.

Sadattant Fabio rnexxielu jasal sax-xatt u ħabbat fuq bieb ta’ residenza privata fejn il-familja li fetħitlu għamlet rapport lill-Pulizija u talbu għall-għajnuna.

Sadattant missieru Rosario u Toumi Zakaria, Marokkin ta’ 29 sena li wkoll kien magħhom., kienu qed jegħrqu fil-baħar. Dan wara li żewġ mewġiet f’temp ta’ ftit sekondi qalbu lid-dgħajsa tagħhom, iż-Zaira.

Fl-istess waqt, Fabio Sapienza kellu kliem ta’ tifħir għall-Pulizija, staff mediku u s-suldati Maltin li qal li kienu effiċjenti u ħarġu għalihom immedjatament malli saru jafu x’kien qed jiġri.

Fabio Sapienza hu l-persuna li kellu jidentifika l-katavri taż-żewġ vittmi: