Lokali Saħħa

Jibqgħu jinsistu fuq l-istess problemi, bil-Gvern ma jagħmel xejn

Il-problemi għall-infermiera jibqgħu jippersistu bil-Gvern mhu jagħmel xejn biex jgħinhom ħlief li jsiru laqgħat li mhumiex qed iħallu frott.

L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, talbet laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn insistew fuq azzjonijiet immedjati. Dan hekk kif għaddew ix-xhur u baqa’ ma sar xejn dwar diversi kwistjonijiet..

Fearne kkonferma fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa li hemm nuqqas kbir ta’ infermiera hekk kif ftit huma dawk li qed jgħażlu il-kors tal-infermiera.

Dan qed iwassal biex minflok tittieħed azzjoni biex iktar nies jiġu mħeġġa halli jgħażlu din il-professjoni, il-Gvern qed jagħżel l-eħfef triq – dik li jġib il-barranin f’pajjiżna biex jaħdmu anke fl-isptarijiet tagħna.

Fearne saħaq li mistennija li jaslu madwar 100 infermiera barranin f’Malta biex jaħdmu fl-istituzzjonijiet tas-saħħa. Dan fih innifsu qed ikompli jikkawża aktar problemi ta’ komunikazzjoni, mhux biss mal-pazjenti, iżda anke mal-istaff Malti.

Il-media kienet mistiedna biss għall-ewwel ftit minuti ta’ din il-laqgħa f’Kastilja, bit-taħdidiet ikomplu fil-magħluq. Mhux magħruf jekk il-kwistjoni tal-bejgħ tal-isptarijiet tqajjmitx f’din il-laqgħa.