Sport Sport Ieħor

Judd Trump jirbaħ il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker għall-ewwel darba

Judd Trump rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja għall-ewwel darba b’rebħa impressjonanti ta’ 18-9 fuq l-erba’ darbiet rebbieħ John Higgins fi Crucible Theatre f’Sheffield. Minkejja r-rebħa dominanti ta’ Trump, il-logħba kienet mill-isbaħ b’Trump jagħmel seba’ ċentenarji, b’Higgins jagħmel erba’ ċentenarji. Tul il-logħba kien hemm 12-il break aktar minn 50 punt hekk kif Trump kellu prestazzjoni eċċellenti, għalkemm Higgins ma ddiżappuntax iżda fil-finali ma kienx tal-livell ta’ Trump.

It-tielet sessjoni ta’ filgħaxija kompliet b’Trump fil-vantaġġ komdu ta’ 16-9 iżda Trump beda bi break ta’ 94 punt u resaq frame bogħod mir-rebħa, biex bi break ta’ 62 fis-27 frame għalaq il-logħba. Trump rebaħ premju ta’ nofs miljun sterlina u assigura li jsir l-ewwel plejer li qabeż il-miljun sterlina fi premji fi staġun wieħed wara li rebaħ il-Masters, l-Open tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Grand Prix. B’hekk Trump patta għad-diżappunt li kellu tmien snin ilu fl-unika finali preċedenti li lagħab meta fl-2011 kien tilef 18-15 proprju kontra Higgins.