Futbol Sport

Milan jibqgħu jittamaw fir-raba’ post b’rebħa diffiċli kontra Bologna

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu rebħa li biha baqgħu jittamaw li jiksbu post fiċ-Champions League staġun ieħor. Huma għelbu lil Bologna 2-1 f’San Siro f’konfront li huma kellhom bżonn biss ir-rebħa. B’hekk huma jinsabu punti ndaqs ma’ Roma u tliet punti taħt Atalanta li jinsabu r-raba’.

Fatt li spikka fil-logħba kien l-argument li seħħ bejn il-kowċ Gennaro Gattuso u l-midfielder Tiemoue Bakayoko fl-ewwel taqsima fil-mument li weġġa’ Lucas Biglia, b’Jose Mauri jidħol minflok il-Franċiż hekk kif jidher li rrifjuta jidħol jilgħab. Ukoll għat-tieni logħba konsekuttiva Milan spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas meta wara li tkeċċa Alessio Romagnoli kontra Torino, ilbieraħ tkeċċa Lucas Paquetà fuq protesti.

Milan fetħu l-iskor fis-37 minuta meta SUSO sab spazju fin-nofs tal-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Lukasz Skorupski. Huma rduppjaw fis-67 minuta meta Skorupski salva parzjalment ix-xutt fil-baxx u minn barra l-kaxxa ta’ Paquetà, bis-sostitut FABIO BORINI jkun pront biex skorja mir-rebound. Madankollu Milan ma għalqux il-logħba għaliex Bologna daħlu fil-logħba ħames minuti wara bi kross vertikali ta’ Michele Sansone lejn MATTIA DESTRO li għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Gianluigi Donnarumma.

Żewġ minuti wara tkeċċa Paquetà, bit-tim ta’ Sinisa Mihajlovic jagħfas għad-draw iżda sab lil Donnarumma attent meta fosthom dawwar f’korner xutt insidjuż ta’ Edera. Bologna spiċċaw il-logħba b’raġel anqas ukoll meta tkeċċa Sansone fis-96 minuta filwaqt li Mitchell Dijks tkeċċa wkoll fi tmiem il-logħba. B’din it-telfa, Bologna għadhom iridu jaċċertaw li jsalvaw posthom fis-Serie A.