Futbol Sport

Mingħajr Craig Butler, il-klabb ta’ St. Andrews kien jimxi aħjar – Johann Scicluna

Dikjarazzjonijiet ċari mill-kowċ Johann Scicluna l-għada li St. Andrews kienu relegati mill-Kampjonat Premier wara li tilfu l-play-off kontra Santa Lucia 4-1. F’kumment mal-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM, Scicluna esprima ruħu dwar l-istaġun li kellhom, speċjalment ir-relazzjoni tiegħu mal-President Ġamajkan Craig Butler.

“F’Jannar il-President ħaseb għal rasu, ħaseb għal żaqqu. Ħadilna plejers u ma sabx sostitut għalihom. Kellna wkoll problemi bil-barranin, domna ma ndunajna li f’dan l-aħħar xahar – xahar u nofs, ma kienx qed ikollhom ikel id-dar x’jieklu, imnalla kien għall-owner tal-Luxol li spiċċa jitmagħhom kuljum.”

Scicluna kompla li l-unika ħaġa li setgħu jagħmlu hu u l-istaff tekniku tiegħu hi li jirriżenjaw iżda meta poġġew fil-perspettiva li hemm plejers Maltin li qed jagħtu kollox ma ħasbux li jkun ġust li jħalluhom f’maltempata.

Hu kellu kliem ta’ tifħir għal Joseph Farrugia tal-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu kif ukoll il-mod kif jitħarreġ hu b’mod personali. Scicluna għamel referenza wkoll għall-fatt li ma kellux assistent kowċ u team manager filwaqt li l-physical trainer wara li ngħaqad ma’ Balzan ma nġabx wieħed ġdid. Hu kompla li minkejja l-problemi kollha hu flimkien ma’ Farrugia u l-kowċ tal-gowlkipers Simon Grech wasslu lit-tim sal-aħħar tal-istaġun.

Il-kuntratt ta’ Scicluna ma’ St. Andrews spiċċa l-Ħadd u kkonferma li kellu kuntatt ma’ erba’ klabbs u xi nurseries ukoll, kif ukoll saħaq li l-problema tiegħu mhix ma’ St. Andrews iżda ma’ Craig Butler.

“Jien ma Craig ili ma nikkomunika minn Settembru, kelli problemi miegħu għaliex ma kont naqbel qatt miegħu li dejjem il-plejers tiegħu huma l-aktar importanti u l-Maltin kien jagħtihom il-ġenb. Ovvjament meta kelli l-clash miegħu, jiena bniedem li dejjem kont inħobb u dejjem ħdimt biex ikolli dressing-room magħquda, nista’ ngħidlek li dan l-istaġun kissirilna tal-anqas ħamsa, sitt darbiet.”

Il-kowċ żagħżugħ kompla li Butler għamel il-ħsara u apparti li batew huma bata wkoll il-klabbs ta’ St. Andrews li fi kliemu “ma ħaqqu qatt li jkollu bniedem bħal dan jippreżentah. Trid tqis li dan iġġieled ma’ ħafna klabbs u beda jara l-kulħadd dubbien u lanqas għandu idea ta’ kif jaħdem il-futbol Malti.” Scicluna ma għamel l-ebda referenza dwar l-operat tal-kumitat ta’ St. Andrews u tul l-intervista ma semmiex li kellu problemi mal-amministrazzjoni tal-klabb li kompliet taħdem fil-ħidma responsabbli minnha.

“Jien naħseb kull klabb għandu jagħmel homework kbir qabel ma jingaġġa ċertu nies li se jkunu responsabbli mill-klabb. Dan diġà kellu storja oħra mal-klabb ta’ Mosta u ntemmet bil-problemi. Ġie St. Andrews beda bilmod is-sena l-oħra. Dis-sena għaddew l-ewwel xahrejn u l-problemi mhux talli kibru talli ma tista’ ssib kontroll tagħhom minn imkien.”

“Plejer joħodomlok għal trials lanqas biss tkun taf u ma ssibux għat-training, tibagħtlu message, jgħidlek il-President bagħat għalija biex naqbad il-flight għal pereżempju l-Belġju. Ma kienx hemm dak il-kontroll kif għandu jkun tim professjonali.”

Din kienet aġenda tiegħu personali biex iressaq il-plejers Ġamajkani qrib l-Ewropa. Sfortunatament il-plejers tiegħu mhux il-livell ta’ ħafna plejers li għandna hawn Malta. Il-problema kienet hu u x-xogħol tiegħu biex ibigħ il-plejers il-bqija, mingħajru l-klabb ta’ St. Andrews kien jimxi ħafna aħjar.”

Ix-xewqa ta’ Scicluna bħalissa hi li wara dak li ddeskriva bħala l-aktar staġun diffiċli tiegħu, jistrieħ għal ġimagħtejn tlieta imbagħad jara l-futur tiegħu.