Lokali Saħħa

Pazjenti Għawdxin jistennew għal ħin twil

Pazjenti Għawdxin qed idumu minn tal-inqas sagħtejn biex jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex. Dan minkejja li f’fuljett li hemm fl-istess ċentru tas-saħħa, hemm miktub li l-pazjenti suppost jinqdew fi 30 minuta.

Ta’ kull filgħodu tant qed ikun hemm akkumulazzjoni ta’ pazjenti, li mhux biss jintlew is-siġġijiet kollha iżda qed ikunu sfurzati jistennew bil-wieqfa saħansitra barra l-bieb tal-uniku ċentru tas-saħħa f’Għawdex.

Ħafna persuni qed jilmentaw li dan iċ-ċentru tas-saħħa sar żgħir wisq għall-ammont ta’ pazjenti li żdied b’mod drastiku f’dawn l-aħħar snin, partikolarment minħabba l-influss qawwi ta’ barranin.

Il-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa li qed ikollhom jaħdmu fi spazju verament żgħir, mhux qed ilaħħqu mal-ammont ta’ nies li qed ikun hemm. Dan filwaqt li l-faċilijtajiet tal-istaff, fosthom dawk marbuta mal-indafa u l-ikel huma tassew limitati. Il-preokkupazzjoni ta’ ħafna nies hija li minħabba dan l-ammont kbir ta’ pazjenti, tikber dejjem aktar il-possibbiltà li mard infettiv jittieħed, speċjalment fit-tfal.

Dan kollu suppost kellu jinbidel bil-wegħda tal-Gvern Soċjalista li l-proġett ta’ ċentru tas-saħħa ġdid f’din il-lokalità jitlesta sa’ nofs din is-sena. Iżda jidher li x-xogħol waqa’ lura. Tant hu hekk li minn meta l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar dan il-proġett madwar għaxar xhur ilu,  ftit li xejn kien hemm avvanzi fix-xogħlijiet li qed isiru f’dan iċ-ċentru tas-saħħa ġdid. Filfatt is-sit tal-bini jidher wieħed mitluq u ma jidhru ebda ħaddiema għaddejjin b’xogħol fih.