Il-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex, u martu Meghan qed jiċċelebraw it-twelid tal-ewwel tarbija tagħhom – tifel – li hu s-seba’ wieħed fil-linja tal-eredità għat-tron tal-Ingilterra.
It-twelid ifisser ukoll li r-Reġina Eliżabetta saret bużnanna għat-tmien darba, bil-Prinċep Harry, fl-ewwel kummenti, itenni li hu u martu jinsabu ‘ferħanin se jtiru’ filwaqt li rringrazzja lill-pubbliku għall-appoġġ tagħhom.
Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham qalu, intant, li l-Prinċep Harry kien preżenti għat-twelid, b’numru kbir ta’ Britanniċi ukoll qegħdin jiċċelebraw din iż-żieda għall-Familja Rjali.
Skont il-linja tal-eredità għat-tron, it-tifel ta’ Meghan u Harry jinsab wara Charles, il-Prinċep ta’ Wales; id-Duka ta’ Cambridge, William, u t-tliet uliedu – il-Prinċpijiet George, Charlotte u Louis – u l-Prinċep Harry.
Intant, it-tifel se jkollu ċittadinanza doppja peress li ċ-ċittadinanza Amerikana ( min-naħa ta’ ommu) hija fattur rikonuxxut mat-twelid.
Għal jiem u ġimgħat qabel it-twelid tat-tarbija ta’ Harry u Meghan, il-Palazz ta’ Buckingham kien għamilha ċara li ma kellhomx jingħataw xi ammont sinifikanti ta’ dettalji lill-istampa.
Intant, issa hemm spekulazzjoni kbira dwar l-isem li se jingħata lit-tifel ta’ Harry u Meghan u jekk ir-Reġina Eliżabetta, ‘il quddiem, tikkonfermalux l-istatus ta’ prinċep.