Tony Drago rebaħ it-tielet ranking tournament ta’ dan l-istaġun organizzata mill-MBSA meta fil-finali għeleb lil Brian Cini 5-1. Il-logħba ntlagħbet quddiem attendenza numeruża fl-akkademja tas-snooker fil-Kumpless Maria Assumpta fil-Ħamrun.
Biex wasal sal-finali, Drago għeleb lil Isaac Borg 4-0 fil-kwarti tal-finali u 4-2 lil Duncan Bezzina fis-semifinali. Brian Cini fuq in-naħa l-oħra, rebaħ 4-0 kontra Ivan Attard u 4-2 kontra Aaron Busuttil.
Cini rebaħ l-unika frame tiegħu fil-bidu tal-logħba bi break ta’ 31 biex fit-tieni frame Drago rebaħ b’vantaġġ ta’ 42 punt fuq Cini. Drago ħa l-kontroll tal-logħba u bi breaks ta’ 35 u 34 mar fil-vantaġġ.
Fir-raba’ frame, Drago beda bi break ta’ 48 u minkejja li Cini rrisponda bi break ta’ 27 punt, Drago rebaħ frame ieħor.
Tony Drago rebaħ l-aħħar żewġ frames bi breaks ta’ 69 u naddaf il-mejda bi break ta’ 77 punt. Il-finali kienet ikkontrollata minn Maurice Calleja.
L-aħħar ranking tournament għal dan l-istaġun jibda fil-5 ta’ Ġunju u jispiċċa fil-21 ta’ Ġunju. Il-ġimgħa d-dieħla jintlagħbu l-fażi finali tal-Kampjonat Premier u jkun magħruf ir-rebbieħ għal dan l-istaġun.
Riżultati tal-frames
28-53, 62-20, 107-0, 66-34, 71-2, 121-1
//= $special ?>