Futbol Sport

Victoria Hotspurs idawru telfa f’rebħa u jirbħu wkoll it-Tazza GFA

Victoria Hotspurs rebħu t-Tazza GFA għall-ewwel darba mill-1998 meta dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Nadur Youngsters 3-2 fil-ħin barrani. B’hekk huma għamlu doppjetta wara li ftit ilu rebħu t-13-il kampjonat fl-istorja tagħhom.

Luke Tabone poġġa lil Nadur minn fuq wara għaxar minuti meta skorja mill-kaxxa ż-żgħira wara li daqqa ta’ ras tiegħu minn korner kienet blokkata parzjalment u Daniel Bustos irdoppja l-vantaġġ man-nofs siegħa logħob bi free-kick dirett. Andrew Mizzi beda r-rimonta ta’ Victoria Hotspurs fit-tieni taqsima meta skorja mill-qrib mas-siegħa logħob u żewġ minuti wara l-veteran Shaun Bajada ġab id-draw bi free-kick mid-distanza.

Il-partita kompliet fil-ħin barrani u kien l-Arġentin Emiliano Lattes li skorja l-gowl rebbieħ fil-115-il minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna. Il-President tal-GFA Samuel Azzopardi u l-Uffiċjal Kap tal-BOV Horace Laudi ppreżentaw it-trofew lil Victoria Hotspurs. Wara l-logħba Lattes kien preżentat ukoll bil-BOV Plejer tax-Xahar għal April.