Lokali

Zammit Dimech jinsisti għal miżuri aktar b’saħħithom għas-sigurtà fl-ikel mill-karċinoġeni

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-livelli massimi ta’ akrimalite fl-ikel ikunu skond id-dożi aċċettabli. Hemm bżonn aktar sforzi biex il-konsumaturi jkunu protetti minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer. Jien nilqa’ l-fatt li se jsiru aktar diskussjonijiet biex itejbu l-miżuri attwali fil-liġi tal-UE.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara li ngħata tweġiba uffiċjali wara li għamel mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sigurtà fl-ikel.

L-akrimalide hi sustanza li tifforma b’mod naturali waqt tisjir u proċess tal-ikel f’temperaturi għolja, bħal waqt li l-ikel ikun qed jinqela, jinxewa jew jinħema. F’opinjoni li ġiet approvata fl-2015, il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontamanti fil-Provista tal-Ikel tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kkonfermat li l-akrimalide fl-ikel jista’ jżid ir-riskju tal-kanċer għall-konsumaturi ta’ kull età.

Filwaqt li s-sena li għaddiet (fil-11 ta’ April 2018) daħlet fis-seħħ liġi ġdida tal-UE dwar diversi ikel (bħal patata, crisps, ħobs, ċereali, gallettini u kafe’), instab li f’kampjuni li ttieħdu minn gallettini u wafers, kien hemm ammonti akbar tas-sustanza minn dak li hu stabbilit bħala l-massimu, b’mod speċjali għat-tfal. Zammit Dimech qal li dan hu ta’ tħassib għaliex dawn il-prodotti jistgħu jkunu importati u jħallu impatt fuq il-konsumaturi Maltin. Aktar kmieni din is-sena, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konsumaturi ngħaqdet ma’ gruppi ta’ konsumaturi oħra Ewropej li nsistew biex ikun hemm standards obbligatorji għall-akrimalite li jkunu aktar retti.

Fit-tweġiba tiegħu, l-Viċi President Katainen qal li l-operaturi tan-negozji tal-ikel huma obbligati li jissorveljaw l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni permezz tal-kampjunar u l-analiżi tal-produzzjoni tagħhom, li juru li l-livelli tal-akrilammid ikunu taħt il-livelli tal-parametri referenzjarji stabbiliti. Hu żied jgħid li l-Istati Membri huma meħtieġa li jwettqu kontrolli uffiċjali regolarment biex jiżguraw li jkun hemm konformità mar-Regolament, b’mod partikolari biex jiżguraw li l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu qed japplikaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni.

Zammit Dimech, li hu membru tal-Grupp MEPs Kontra l-Kanċer, qal, “Irridu niġġieldu kontra l-kanċer b’kull mod possibbli, inklużi permezz ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu kif ukoll permezz tal-ikel li nieklu.” Aktar kmieni din is-sena, Zammit Dimech ħadem biex jiġu aġġornati regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji marbuta mal-karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Zammit Dimech żied jgħid li hemm bżonn aktar riċerka biex tassisti l-industrija tal-ikel.

Fit-tweġiba tiegħu, Katainen qal ukoll li minbarra l-miżuri li hemm fir-Regolament tal-UE 2017/2158, għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-livelli massimi tal-akrimalide f’ċertu ikel. Il-liġi kif approvata tgħid ukoll li l-livelli massimi jistgħu jigu riveduti abbazi ta’ informazzjoni ġdida. Fl-opinjoni tagħha, l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC) insistiet li jkun hemm livelli massimi għall-‘crisps tal-ħaxix’ u kategoriji oħra tal-ikel bħall-prodotti tal-patata, fosthom il-croquettes, croissants u rice crackers. Zammit Dimech insista mal-Istati Membri biex ikunu ambizzjużi f’din ir-reviżjoni, biex jassiguraw li r-riskji jonqsu kemm jista’ jkun. Hu ngħaqad mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konsumaturi u talab lill-awtoritajiet Maltin biex jagħmlu testijiet fuq prodotti fi-suq lokali, biex iserrħu ras il-konsumaturi. Hu impenja lilu nnifsu li jaħdem biex ma jittieħdux riskji mas-sigurtà fl-ikel.