Fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi applika u attira lejh fondi Ewropej u Lokali li jammontaw għal madwar miljun u mija u ħamsin elf ewro (€1,150,000). Dan hekk kif il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi applika għal €720,000 fondi tal-UE biex jingħata wiċċ gdid lil għadd ta’ toroq rurali li minnhom igawdu l-bdiewa u s-Siġġiwin.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi għaddej b’xogħolijiet fuq ħitan tas-sejjieħ b’investiment ta’ €33,000 u applika għal €150,000 biex isiru aktar ħitan tas-sejjieħ oħra bil-għan li jsebbħu z-zona rurali tas-Siġġiewi.
Apparti dan, il-Kunsill Lokali qed iħejji applikazzjoni ta’ €50,000 biex sal-aħħar ta’ dan ix-xahar japplika għal fondi Ewropej għall-Green Infrastructure għal aktar tisbiħ taz-zona viċin l-Kappella ta’ San Niklaw.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi attira diġa’ fondi oħra biex wara Mejju tkompli ħidma fuq proġetti li l-Kunsill diġà beda jinvesti fihom matul din l-leġislatura.
Ġiet approvata applikazzjoni ta’ aktar minn €215,000 għall-bini ta’ Night Shelter għall-Anzjani li bdew diġà xogħolijiet preliminari fih.
Il-Kunsill Lokali applika għal skema tar-Reġjun Nofsinhar u ġew approvati €18,000 għall-bandli ġodda f’Għar Lapsi.
Xogħlijiet ohra jinkludu:
€3,000 għal manutenzjoni fl-outdoor gym tas-Siġġiewi u €1,800 għat-tisbiħ tar-roundabout ġdida f’Ta Kilpa.
F’kummenti lil dan l-istazzjon, is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li Kunsill mmexxi mill-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi mhux biss ġab r-riżultati fl-aħħar erba’ snin, iżda diġà applika jew attira investiment biex mill-għada tal-elezzjoni, tkompli ħidma bla waqfien fit-toroq, proġetti ta’ tisbiħ, bandli ġodda u proġetti soċjali.
Is-Sindku appellat għalhekk biex is-Siġġiwin jagħmlu għażliet għaqlija sabiex l-ħidma tkompli mingħajr skossi u jaċċertaw li ma tieqafx nofs triq.
//= $special ?>
