Futbol Sport

Godin iħabbar li se jħalli lil Atletico Madrid

(Ritratt: EPA)
Id-difensur mistenni jingħaqad ma' Inter

Id-difensur Diego Godin ħabbar li se jħalli lil Atletico Madrid dan is-sajf f’konferenza stampa emozzjonanti fil-Wanda Metropolitano. Hu mistenni jkompli l-karriera ma’ Inter hekk kif jintemm il-kuntratt tiegħu x-xahar id-dieħel.

Il-plejer ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Atletico Madrid mingħand Villarreal fl-2010 u lagħab 387 logħba mal-klabb u fost l-unuri li rebaħ għen lit-tim jirbaħ il-kampjonat Spanjol fl-istaġun 2013/14 wara 18-il sena. Godin rebaħ ukoll darbtejn l-Europa League, it-Tazza tar-Re, is-Super Cup Spanjola u tliet darbiet is-Super Cup Ewropea, minbarra li ħareġ tellief darbtejn fil-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid fl-2014 u fl-2016.

“Ninsab ftit nervuż, ħafna aktar kif inkun qabel logħba, imma sejjaħt lil kulħadd biex ninfurmakom li dawn huma l-aħħar jiem tiegħi mal-klabb. Dan mhux biss klabb għalija, kienet ukoll familja u hi diffiċli ħafna biex insellem lil dan il-klabb,” qal Godin.