Bil-Programmi Elettorali li ħareġ għat-68 lokalità f’Malta u f’Għawdex, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta aktar minn 1,500 proposta.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ħareġ sett wieħed ta’ proposti għal-lokalitajiet kollha f’fuljett wieħed ta’ pagna.
Dan qalu l-Kordinatur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello waqt li kien mistieden fil-programm TVAM fuq ix-Xandir tal-Istat.
Hu spjega li dan il-fatt juri d-differenza ta’ kif iż-żewġ partiti jħarsu lejn il-Kunsilli Lokali – fuq naħa l-Partit Nazzjonalista li jrid ikompli jsaħħaħ lill-Kunsilli Lokali u fuq in-naħa l-oħra l-Partit Soċjalista Malti mmexxi minn min jgħid li l-Kunsilli m’humiex is-super favoriti tiegħu.
Charles Bonello kompla li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ ukoll għadd ta’ proposti għar-Riforma fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali, il-Gvern Laburista qed ikompli jieħu l-poteri minn idejn il-Kunsilli Lokali.
Bl-istess mod, il-Gvern lanqas mhu jikkonsulta mal-Kunsilli dwar it-toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku, fost l-oħrajn.
Fl-istess programm, kien mistieden ukoll is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop, li nnota kif qed joħroġ dejjem aktar fiċ-ċar kif Kunsilliera Lokali mmexxija minn maġġoranza Nazzjonalista jaraw li jżommu kuntatt kontinwu mar-residenti.
U dan juri l-impenn ta’ dawn il-Kunsilli, li verament iridu l-ġid għal-lokalitajiet tagħhom.
//= $special ?>