Il-Gvern Soċjalista mhux kredibbli meta jipproponi responsabbilitajiet ġodda għall-Kunsilli meta ftit ġimgħat ilu kienu hu stess li vvota kontrihom jew saħansitra kienu hemm u neħħihom. Gvern Soċjalista qed juri li bħall-Prim Ministru, l-Kunsilli Lokali ma jemminx fihom sempliċiment għax il-proċessi demokratiċi tal-kunsilli m’humiex is-super favoriti tiegħu, u dan fuq ammisjoni tiegħu stress. Hekk qalu l-Viċi Kap tal-PN David Agius, il-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Pierre Portelli.
David Agius qal li l-Partit Soċjalista bena ħafna aspettativa għall-manifest tiegħu iżda minflok spiċċa ppropona muntanja li welldet ġurdien. Huwa qal li irrispettivament minn jekk il-Partit Soċjalista ħax żball, ħawwadx jew ma’ kienx ippreparat finalment huma n-nies li qed ibatu min-nuqqas ta’ pjan fit-tul għal pajjiżna u għall-Kunsilli Lokali.
Robert Cutajar ta’ lista tal-proposti tal-Oppożizzjoni li l-Gvern ftit ilu ma’ aċċettax u issa għamel u-turn biex jinkludihom f’manifest:
Li jiġi introdott il-kunċett tal-community policing, li l-Gvern ivvota kontra tagħha fil-Parlament fil-ġranet li għaddew.
Isaħħaħ il-koperazzjoni mal-Gwardjani Lokali meta kien l-istess Gvern SOċjalista li ħa l-infurzar minn idejn il-Kunsilli Lokali bit-twaqqif tal-Aġenzija LESA, li falliet fl-operat tagħha.
Li jiġu introdotti day centres u night shelters f’kull belt u raħal fejn m’hemmx dawn iċ-ċentri. Din hija wkoll proposta tal-Oppożizzjoni li l-Gvern Soċjalista skarta.
Għajnuna għas-solitudni u d-dimensja, filwaqt li din kienet proposta wkoll mill-Oppożizzjoni kienu tressqu aktar proposti fil-qasam soċjali li l-Gvern warrab.
Robert Cutajar elenka wkoll l-inizjattivi li kienu diġà jeżisti u li tneħħew mill-Gvern Soċjalista:
Rotot ġodda f’diskussjoni mal-operatur tat-trasport pubbliku, li kienu jeżistu diġà iżda tneħħew mill-operatur il-ġdid.
Kunsillier responsabbli għall-komunitajiet fil-periferija meta qabel kien hemm il-Kumitat Amministrattivi (Hamlets) li l-Gvern Soċjalista b’avviż legali ddeċieda li jħassar l-elezzjoni u jagħlaqhom.
Il-bini ta’ toroq residenzjali li qatt ma saru, meta dawn kienu minn dejjem responsabbilità tal-Gvern u b’hekk qed jinsulenta l-intelliġenza tan-nies.
Pierre Portelli qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-prinċipju tas-sussidjarjetà u bil-programmi elettorali għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex qed inkun pożittiv u proattiv. Huwa qal li dawn il-manifesti elettorali jinkludu aktar minn 2,000 prosposta għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri tal-PN u kandidat għall-elezzjoni lokali f’Tas-Sliema Pierre Portelli, kien hemm preżenti wkoll il-kandidata għall-elezzjoni lokali fin-Naxxar Mary Anne Cuomo u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fl-Iklin Yvonne Bartolo.
//= $special ?>