Il-Malta Football Association flimkien mal-Pulizija ppubblikat komunikat dwar l-arranġamenti tat-traffiku kif ukoll tal-partitarji rispettivi għal-logħba tal-lum. Il-bibien tal-istadium jinfetħu fil-5.15pm. Il-partitarji ta’ Hibernians għandhom joqogħdu f’West A u l-partitarji ta’ Valletta għandhom allokat West C u Millenium D. L-istand għall-familji u n-nurseries se jkun Millenium F bħas-soltu. Il-biljetti li nxtraw mill-partitarji taż-żewġ klabbs qabel id-data oriġinali ta’ din il-partita, li kienet posposta fl-24 ta’ Frar minħabba l-maltemp, huma validi għal-lum.
Il-partitarji ta’ Hibernians u dawk newtrali għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ tal-West Stand (Enclosure) u l-parti fejn tagħti għal Triq Durumblat. Fl-istess waqt huma avżati li jgħaddu min-naħa tal-Mosta (Durumblat). Il-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fin-naħa tal-Millennium Stand. Huma għandhom jgħaddu miż-żona ta’ Ħ’Attard, idealment min-naħa ta’ Dar Santa Katerina fi Triq il-Pitkali fid-direzzjoni tal-BOV Adventure Park u tal-MFCC/Millennium Stand.
Xarabanks tal-partitarji ta’ Valletta għandhom jipparkjaw wara s-South Stand, faċċata tal-Gym tal-MFA biex ikunu jistgħu joħorġu min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ, Xarabanks tal-partitarji ta’ Hibernians għandhom jipparkjaw fiż-żona tan-North Stand fid-direzzjoni tal-MFA Training Grounds.
It-triq li tagħti mir-roundabout tal-Imtarfa ħdejn iċ-Ċimiterju Militari lejn il-kumpless tal-Basketball u l-Millennium Stand ser tkun magħluqa għat-traffiku fid-direzzjoni tal-Istadium Nazzjonali. Il-partitarji ta’ Valletta jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom f’din it-triq li se tkun miftuħa għat-traffiku wara li tintemm il-partita.
Fi tmiem il-logħba fl-Istadium Nazzjonali, l-ispettaturi fis-settur West C għandhom joħorġu mill-Millennium D. Il-Malta Football Association tħeġġeġ lill-pubbliku biex isegwi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-istaff tal-Istadium, l-uffiċjali tas-sigurtá kif ukoll dawk tal-pulizija fil-ġurnata tal-logħba.
//= $special ?>