Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista ġabu r-riżultati pożittivi

Minkejja li mdawra minn ċirkostanzi diffiċli f’pajjiżha, Roberta Metsola u ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej l-oħra tal-Partit Nazzjonalista rnexxielhom iġibu r-riżultati pożittivi.

Hekk qal il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, l-Intern u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos waqt laqgħa privata ma’ Metsola f’lukanda ewlenija.

Hu nnota partikolarment il-ħidma ta’ Metsola biex setgħet tiġi approvata Liġi li mistennija ssaħħaħ is-sigurtà mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Dan kien possibbli grazzi għal negozjati li mexxiet l-MEP Maltija.

Filwaqt li awgura lilha u lill-kollegi tagħha għall-kontinwità f’ħidmiethom, il-Kummissarju Ewropew qal li t-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista kienu eċċellenti f’ħidmiethom.

Hu appella li fil-leġislatura li tmiss, il-Parlament Ewropew ikompli jaħdem biex jiddefendi l-valuri Ewropej, filwaqt li jsegwi x-xogħol intensiv li sar fl-aħħar ħames snin.

Min-naħa tagħha, Roberta Metsola qalet li l-portafoll tal-Kummissarju Ewropew hu wieħed kruċjali għal pajjiżna. Fil-fatt, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li grazzi għall-ħidma tiegħu wkoll, l-Unjoni Ewropea rnexxielha ssib bilanċ xieraq fil-politika tal-migrazzjoni.

Hi spjegat li l-għan ta’ ħidmietha wara l-Liġi l-ġdida dwar il-Fruntieri kien li l-Unjoni turi solidarjetà ma’ min hu fil-bżonn, filwaqt li tkun severa ma’ min jabbuża.