Futbol Sport

Liverpool jagħmlu dak li deher diffiċli possibbli u jikkwalifikaw għat-tieni finali konsekuttiva

It-tielet gowl ta' Liverpool (Ritratt: EPA)

LIVERPOOL……………….. 4

A. Becker, T. Alexander-Arnold, J. Matip, V. van Dijk, A. Robertson (G. Wijnaldum 46’), Fabinho, J. Milner, J. Henderson, X. Shaqiri (D. Sturridge 90’), S. Mane, D. Origi (J. Gomez 85’)

BARCELONA……………… 0

M. ter Stegen, S. Roberto, G. Pique, C. Lenglet, J. Alba, S. Busquets, I. Rakitic (Malcom 80’), A. Vidal (Arthur 75’), P. Coutinho (N. Semedo 60’), L. Messi, L. Suarez

Imwissija: Fabinho 11’, J. Matip 66’ (L), S. Busquets 45’, I. Rakitic 53’, N. Semedo 75’ (B)

Skorjaw: D. Origi 7’, 79’, G. Wijnaldum 54’, 56’ (L)

Referee: Cuneyt Cakir (Turkija)

Liverpool wettqu waħda mill-akbar rimonti fl-istorja tal-UEFA Champions League meta b’wirja impresjonanti dawru t-telfa ta’ 3-0 fil-Camp Nou b’rebħa ta’ 4-0 f’Anfield u għaddew għat-tieni finali konsekuttiva. Għal Barcelona dan hu diżappunt enormi hekk kif kienu meqjusa bħala l-favoriti li jirbħu l-kompetizzjoni. Huma sofrew minn kollass mentali ieħor wara li l-istaġun li għadda kienu eliminati b’mod simili iżda mill-kwarti tal-finali. Huma kienu għelbu lil Roma 4-1 f’darhom qabel tilfu 3-0 fi Stadio Olimpico.

Tul id-90 minuta, Liverpool kienu l-aktar tim għatxan li jirbaħ il-logħba u kienu aktar aggressivi bħala tim, bil-Katalani jkunu aktar kalmi fil-logħob tagħhom u ma kinux kreattivi biżżejjed biex jieħdu vantaġġ mill-ispazji tal-avversarji.

Liverpool fetħu l-iskor war seba’ minuti meta minn żball ta’ Barcelona, Sadio Mane għadda lejn Jordan Henderson li xxuttja fil-baxx, b’ter Stegen isalva momentarjament iżda l-ballun waqa’ f’saqajn DIVOCK ORIGI li skorja f’lasta vojta. Ir-reazzjoni ta’ Barcelona waslet fl-14-il minuta bi kross ta’ Jordi Alba lura lejn Lionel Messi li prova b’xutt mill-ewwel iżda Alisson Becker kien attent u dawwar f’korner. Ċans ieħor għal Barcelona żewġ minuti wara f’kontrattakk li fih Messi fetaħ lejn Coutinho iżda x-xutt fil-baxx tal-Brażiljan kien salvat. Mill-istess korner, xutt ta’ Messi minn tarf il-kaxxa għadda ftit barra.

Liverpool għal ftit ma rduppjawx fit-23 minuta b’xutt b’saħħtu mix-xellug ta’ Andy Robertson li kien salvat b’riflessi tajbin ta’ ter Stegen. Il-Katalani kellhom ċans tajjeb fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’passaġġ intelliġenti ta’ Messi lejn Jordi Alba iżda Alisson salva tajjeb.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’ter Stegen isalva b’mod mirakoluż fuq konklużjoni mill-viċin ta’ Virgil van Dijk fil-51 minuta. Ftit sekondi wara fuq in-naħa l-oħra, Suarez falla okkażjoni tajba b’xutt li seta’ kien aħjar. Liverpool irduppjaw fil-55 minuta bi kross mil-lemin fil-baxx ta’ Trent Alexander-Arnold lejn is-sostitut GEORGINIO WIJNALDUM li għeleb lil ter Stegen b’xutt fil-baxx. Minuta wara wasal saħansitra t-tielet gowl bi kross mix-xellug ta’ Xherdan Shaqiri lejn GEORGINIO WIJNALDUM li għola waħdu u skorja b’daqqa ta’ ras.

Il-logħba issa nbidlet hekk kif it-tliet gowls kienu rkuprati, bit-tim ta’ Barcelona maħsud b’żewġ gowls fi ftit minuti. Kien biss fit-68 minuta li huma kienu perikolużi b’xutt fuq l-ewwel lasta ta’ Messi li kien imdawwar f’korner minn Alisson Becker. Il-gowl deċiżiv wasal fid-79 minuta bid-difensur Alexander-Arnold ikun intelliġenti biżżejjed biex għamel finta u ta korner fil-baxx lejn l-iżmarkat DIVOCK ORIGI li waħdu għeleb lil ter Stegen b’xutt fir-rokna ta’ fuq tat-tieni lasta.