Lokali

Vot lill-MEPs Soċjalisti hu vot kontra Malta, vot lill-MEPs tal-PN hu vot favur Malta

Vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti hu vot kontra Malta għaliex dawn l-MEPs ikunu parti mill-Partit Soċjalista Ewropew li se jneħħi d-dritt ta’ Malta li tiddeċiedi hi dwar x’sistemi ta’ taxxa trid f’pajjiżha. Minn naħa l-oħra, vot għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista hu garanzija li l-MEPs se jiddefendu lil Malta biex pajjiżna jżomm id-dritt li jiddeċiedi hu dwar x’sistema ta’ taxxa jkollu. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-Fgura. 

Adrian Delia qal li l-Kandidat tal-Partit Soċjalista Ewropew għal President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal li jrid ineħħi l-inċentivi li Malta għandha fis-sistema tat-taxxa tagħha biex tattira kumpaniji lejn pajjiżna li joħolqu impjiegi fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u l-gaming, impjiegi ta’ kwalità u b’pagi tajbin u li jlaħħqu aktar minn 25,000. Huwa qal li dan ifisser li meta tmorru tivvutaw, ftakru li s-Soċjalisti Ewropej iridu li jtellfulna dan id-dritt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kuntrarju għal dak li jrid Frans Timmermans, Manfred Weber, li hu l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew li l-Partit Nazzjonalista hu parti mill-familja tiegħu, ġie Malta u spjega kif irid ikompli jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin, b’mod speċjali n-negozji ż-żgħar. Huwa qal li aħna partit li jimpurtana miż-żgħir, mill-fqir, mis-self-employed, minn-negozji, mill-professjonisti, miż-żgħażagħ, mill-anzjani, mill-pensjonanti, mill-barranin li jaħdmu f’pajjiżna b’dinjità, mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Adrian Delia qal li l-PN dejjem ħadem biex Malta jkollha reputazzjoni mill-aqwa u l-Gvern kisser din ir-reputazzjoni f’anqas minn sitt snin. Dan ġie kkonfermat mir-rapporti tal-Moneyval, tal-Kummissjoni Venezja, tal-Kummissjoni Ewropea, u tal-Greco li kollha kienu kundanna għall-Gvern Malti. Adrian Delia qal li hu qatt mhu se jagħmel ħsara lil pajjiżu li tant iħobb. “Jien qiegħed fil-politika biex inservi lill-poplu Malti u Għawdxi,” qal Adrian Delia.

L-Attivita’ kienet indirizzata wkoll mill-Viċi Kap tal-PN David Agius li saħaq kif il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem  bl-għajnuna tad-donazzjonijiet tal-pubbliku. Min-naħa l-oħra,  il-Partit Laburista ma jagħmilx distinzjoni bejn il-partit u l-Gvern b’Muscat jaqbad u joħroġ minn Kastilja biex jindirizza attivita’ politika.

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca qal applikazzjoni massiċċa fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar  turi nuqqas ta’ rispett lejn il-bdiewa u r-raħħala tagħna u juri li Gvern Laburista tilef ruħ soċjali fil-qasam ambjentali.

Il-Kandidat Roselyn Borg Knight qalet li l-Politika hi li niltaqgħu man-nies u nisimgħu il-problemi tagħna. It-tielet siġġu irid jibqa’ għand il-PN u dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm vot għall-kandidati kollha tal-PN, saħqet Borg Knight.

Il-Kandidat  Francis Zammit Dimech irrefera għad-dibattitu li kellu fuq it-televiżjoni ma’ Alfred Sant. Min verament ħadem għal Malta ġab żewġ biljun ewro favur il-pajjiż. Il-PN kien ħoloq setturi li ħolqu impjiegi, Gaming, Finserv, Avjazzjoni, Servizzi Marittimi, Turiżmu. Dan hu tip ta’ xogħol li hu mhedded mill-PSE li jrid taxxa waħda għall-pajjiżi kollha tal-UE.