Lokali

Wiegħed 500 unit sentejn ilu…u reġa’ għamel l-istess wegħda issa lejliet l-elezzjoni

Fejn jidħlu konferenzi tal-aħbarijiet minn Joseph Muscat li jsiru b’pompa kbira, in-nies f’Kastilja saru esperti – bħal fil-każ tal-famuża konferenza fejn il-Prim Ministru kien ħabbar roħs ta’ 2 ċenteżmi fil-fuel. U anki dakinhar, ħafna fanfaruni qabel l-MEPs, l-istess kif għamel din il-ġimgħa l-Prim Ministru, meta jiem biss qabel l-elezzjonijiet Ewropej ħabbar s-suppost proġett ta’ 500 unit għall-housing.

Iżda l-verità hi, li dawn il-wegħdiet diġà saru s-sena l-oħra, u ta’ qabel.

Muscat ilu mis-sena li għaddiet jirrepeti li se jinvesti 50 miljun f’housing socjali. Fil-fatt, kien fil-meeting Laburista tal-1 ta’ Mejju – sena ilu – meta għamel din il-wegħda. U sal-lum, ma qassam l-ebda appartament jew unit ta’ housing socjali. Agħar minn hekk in-nies verament fil-bżonn, għadhom jistennew.

Il-Gvern Soċjalista ilu sentejn iwieghed housing socjali f’Ħ’Attard, Birkirkara, Bormla, l-Imsida, Ħal Kirkop, Ħal Luqa u n-Naxxar. Kollha kastelli fl-arja – kollha wegħdiet fiergħa.

Aktar riċenti, fi Frar li għadda, il-Gvern wiegħed housing speċjalizzat. Din ukoll, baqgħet wegħda fuq l-ixkaffa, b’mijiet ta’ familji, ġenituri single, u persuni f’sitwazzjonijiet partikolari li għadhom qed jistennew, wara sitt snin….l-ewwel unit ta’ housing soċjali.