Lokali Parlament

Il-Prim Ministru Muscat inġust meta iġġudika ħażin lill-PN fuq il-housing, li kien il-pijunier fis-settur

Il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li jħoss li hija r-responsabilita tiegħu li jiġbed l-attenzjoni fuq kumment inġust tal-Prim Ministru Joseph Muscat li qal li fi 15-il-sena ta’ Gvern Nazzjonalista fil-“housing” ma sar xejn.  

Bartolo qal li ma jafx jekk il-Prim Ministru kienx qed jgħodd is-sitt snin li għaddew immexxija minnu. Mingħajr dubju l-PN huwa pijunier fil-“housing” Soċjali.  Bejn l-1962 u l-1971 Gvern Nazzjonalista bena u għen biex jinbnew madwar 2,000 unit- li sa dak iż-żmien kien l-akbar programm ta’ djar li qatt inbnew.  Ġiet ukoll introdotta il-“home ownership scheme” u ġiet estiża l-għajnuna għal djar “sub-standards”.

Dan kollu ġara qabel il-famużi “housing” ta’ Mintoff.  Tul is-snin il-PN kien innovattiv fil-mod ta’ kif għen biex bnedmin isiru sidien ta’ darhom u llum fil-fatt l-istess Partit Laburista jiftaħar li 80 fil-mija tal-popolazzjoni hija sid ta’ darha.  Żgur li dan kollu ma ġarax taħt Joseph Muscat. 

Il-kelliem qal li faċli li tiftaħar b’rix ħaddieħor. Ta’ kuljum, Maltin iċemplu u jmorru għandu, fejn jgħidulu li ilhom li applikaw is-snin għal akkomodazzjoni soċjali u ma sar xejn. Qal li dwar dan kien se jagħmel żewġ osservazzjonijiet u jistaqsi bejnu u bejn ruħu:

Huwa ta eżempju ta’ din il-familja, li marret għandu biex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha. Dan ifisser, li dawn jaħsbu u jemmnu li b’ xi mod il-kelliem jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom u għaliex hu qed  jifhem dak kollu li għaddejjin minnu.

Bartolo qal li minkejja li wieħed jisma kull tip ta’ osservazzjoni, u “statements” xi drabi qawwija bħal:-“Il-housing għalxejn.Tmur kemm tmur dejjem bla risposta ta’ xejn”.   “Tisma’ wkoll, din il-ġimgħa taw it-tali post lit-talija. Jien x’ għandi inqas minn dik.   Jew inkella ….. “l-isfidi tal-ħajja tiegħi huma ferm aktar gravi mill-koppja li ngħatat post fit-tali ndirizz.”

Kummenti oħra jinkludu, “Tidher li wasslet elezzjoni ….. għaliex dan ix-xahar ingħataw ammont ta’ djar.” Jew, “Għawdex ġew jibgħatuni, biex żgur naqta qalbi u ninqata …..”

Huwa ċar li ż-żieda msejjsa fuq politika fil-popolazzjoni  ta’ Malta wasslet għal żieda kemm fid-domanda għad-djar, kif ukoll fil-prezzijiet tal-bini. 

B’ konsegwenza ta’ dan, dawk li setgħu ilaħqu biss mal-orħos prezzijiet tal-kera qegħdin jiġu mbuttati l’barra mis-suq.  Dawk il-bnedmin u familji li mhumiex sidien ta’ propjeta’ u li l-pagi tagħhom iżżommhom milli jixtru jew jikru, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ għażliet xejn sbieħ. 

Bartolo kompla jgħid li biż-żieda li qegħdin naraw bħalissa fid-deċiżjonijiet minn postijiet mikrija, fl-akkomodazzjoni substandard u fil-bnedmin li jkollhom jgħixu fis-salott mal-qraba (immaġina koppja b’ żewġ ulied żgħar)  jgħixu f’ salott, …. għax m’ għandhomx għażla oħra, huwa essenzjali li ma jinħeliex aktar ħin sabiex tingħata xi forma ta’ soluzzjoni fl-immedjat.

Tenna, “ma nistgħux inħallu l-prezz tad-djar jogħla kif qed jogħla. Il-Gvern irid juri l-ħniena tiegħu bl-akkomodazzjoni soċjali, li Grazzi għal fondi Ewropej, lejliet l-elezzjoni li jmiss forsi naraw l-ewwel units bin-nies deħlin fihom.   Pero tajjeb li nsemmu, li qabel dħalna fl-UE, ma kellniex fondi Ewropej, pero ta’ qabilna xorta ħasbu għall-akkomodazzjoni soċjali”. 

Bartolo sostna li huwa fenomenu inkwetanti li filwaqt li għandek ekonomija b’ saħħitha, magħha qed jikber ukoll il-faqar.  Il-faqar f’ pajjiżna qed jinħass mhux biss mill-barranin li jgħixu fostna, imma wkoll mid-diversi kategoriji ta’ Maltin bħall-ġenituri li qed irabbu lil uliedhom mingħajr żwieġhom jew mingħajr marthom; bħall-anzjani tagħna, dawk il-ħaddiema li jaqilgħu il-paga minima.  Il-paga minima (b’€700) ma tgħix biha.   Hemm bosta minn dawn li qegħdin jgħixu fil-kera.  Immaġina trid tgħajjex familja u l-kera minn €300 telgħet għal €550.  

Id-Deputat Nazzjonalista qal li hemm faxxa ta’ bnedmin li ma jistgħux jaħdmu minħabba mard kroniku, fost oħrajn.  Imbgħad insibu lil dawk li qegħdin jaħdmu fil-prekarjat, (li minkejja l-wegħdi fiergħa) il-prekarjat mhux talli naqas …. imma żdied.  Għandna Maltin u barranin, li qegħdin jaħdmu imma xorta mhumiex ilaħħqu.  L-aktar dawk li qegħdin fil-kera jew inkella jridu jħallsu għal mediċini li mhumiex b’ xejn.

Il-lista ta’ bnedmin bla saqaf fuq rashom qegħda tiżdied.   “Tafu daqsi li ninsabu fl-aqwa żmien għall-iżgumbrament”.  Tenna li xi wħud għandhom l-idea, li l-bnedmin li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom huma barranin ġejja mill-artijiet ta’ l-Afrika …. iżda dan mhuwiex il-każ.  

Għandna wkoll l-“issue” tal-mard mentali u mard ieħor emozzjonali, liema mard li qed dejjem jgħolli rasu.  Hemm sfidi anki fuq dawk li jisselfu fuq l-idejn, dawk li n-negozju imurilhom ħażin, minħabba adictions  jaslu li jesperjenzaw forma ta’ faqar.

Mhijiex faqar li persuna taqsam il-kera tal-flat ma’ 14 il-persuna oħra?  Milux ironmongery ma setax jifhem l-għaliex qata 14 il-ċavetta ta’ l-istess flat.  Bartolo sostna li llum il-ġurnata spiss nittkellmu dwar il-living wage, l-paga li wieħed jkollu bżonn biex jgħix ħajja diċenti u mingħajr kapriċċi. Il-paga minima qegħda tkun ta’ garanzija kontra l-faqar għax għal xi wħud, mhix qed tgħin, imma kważi kważi qed tkisser lil dawk il-faxex li għandhom bżonn spalla u daqqa t’ id…. dawk il-faxex li għandhom bżonn l-għajnuna.

Bartolo qal li aktar minn 80,000 bniedem f’ pajjiżna huma f’ riskju ta’ faqar.  3,500 bniedem jgħixu fuq paga minima.  Il-paga minima + il-cola mhumiex biżżejjed.  U għalhekk propju il-Gvern kien taha xi żieda lil dawk li ilhom fuq il-paga minima għal sena, apparti ż-żieda tal-COLA.

L-ekonomija qegħda tespandi, iżda mit-torta mhux kulħadd qed jieħu l-istess porzjon.  Filwaqt li l-profit qed jiżdied, iżda l-pagi baqgħu l-istess.  Bartolo qal li l-ewwel 20 fil-mija tal-familji li għandhom dħul għoli qalgħu 4.2 aktar mill-20 fil-mija li l-aktar għandhom dħul baxx.  U allura x’ qegħdin ngħidu b’ dan  …..  qegħdin infissru lil-ekonomija Maltija teħtieġ nies ta’ skola u nies tas-sengħa. 

Fl-istess waqt għandna l-aktar rata għolja ta’ studenti li ma jkomplux bl-edukazzjoni tagħhom, u n-numru ta’ gradwati huwa wieħed baxx ħafna. Ir-rata ta’ l-għoli tal-ħajja qegħda tiżdied minħabba l-kera.  Il-kera saret paga ta’ xahar.

L-aktar li qed ibatu huma l-foqra. Nistennew xi ħaġa fl-immedjat,  bħal meta l-Gvern qabel l-elezzjoni biex jakkwista l-voti u b’ mod faċli u diżonest, qabad grupp ta’ ħaddiema tal-Gvern li kienu skala 16 u b’ daqqa ta’ pinna għollihom għal skala 13,  …..għandu jsir l-istess mal-foqra jorqdu f’ kamra f’ għalqa, mal-foqra jiġru minn Shelter home għall-ieħor, mal-foqra jorqdu fil-ġonna fil-pubbliċi, mal-pensjonanti li ma sservihomx il-pensjoni sal-20 tax-xahar, mal-familji li joqogħdu fil-caravans.   

Kompla jgħid li sal-lum, il-Gvern Laburista ma qassam l-ebda appartament jew unit ta’ housing socjali. Agħar minn hekk in-nies verament fil-bżonn, għadhom jistennew.

“Sentejn ilu wegħdtu housing socjali f’Ħ’Attard, Birkirkara, Bormla, l-Imsida, Ħal Kirkop, Ħal Luqa u n-Naxxar. Kollha kastelli fl-arja – kollha wegħdiet fiergħa. Saħansitra fi Frar li għadda, wegħdtu housing speċjalizzat.

“Din ukoll, baqgħet wegħda fuq l-ixkaffa, b’mijiet ta’ familji, ġenituri single, u persuni f’sitwazzjonijiet partikolari li għadhom qed jistennew, wara sitt snin….l-ewwel unit ta’ housing soċjali. Il-Gvern li suppost li huwa l-partit tal-ħaddiema tilef ir-ruħ soċjali u nesa’ lill-fqar. Għalhekk ma nistgħux nemmnukom meta tgħidu MALTA F’QALBNA” qal Bartolo..

L-istatistika turi li l-ħaddiema f’Malta raw l-inqas żieda fil-pagi fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern mmexxi minn Joseph Muscat qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni u minkejja li l-ekonomija qed tikber, 64% tal-ħaddiema Maltin qed jaqilgħu inqas.

Il-Gvern mhux qed jinvesti b’serjetà fl-edukazzjoni, fl-istudenti u fl-għalliema. Dan meta l-istatistika turi li sfortunatament f’Malta għandna t-tieni l-għola rata ta’ “early school leavers”, l-għalliema qed jaffaċċajaw diffikultajiet kbar u t-tfal qed jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners.

Ir-risposta tal-poplu Malti fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, għandu juriha bis-saħħa tal-vot.  Il-Prim Ministru Muscat iffissa li din l-elezzjoni hija bejn Adrian Delia u Joseph Muscat.  Hawn qed juri li m’għandux fiduċja fil-kandidati tal-partit tiegħu bħalma l-kunsilli lokali qatt ma kienu s-‘super favoriti’ għalih, temm jgħid Ivan Bartolo.