Futbol Sport

Ajax jibdew favoriti li jilagħbu l-finali fil-Wanda Metropolitano ta’ Madrid

(Ritratt: EPA)

Tottenham Hotspur jinsabu f’Amsterdam bl-għan li jdawru t-telfa ta’ 1-0 mill-ewwel leg u jgħaddu għall-finali f’Madrid. Ajax jinsabu kunfidenti li jistgħu jilagħbu l-finali ta’ Madrid hekk kif fil-fażi tan-knock-out eliminaw lil Real Madrid u Juventus filwaqt li fl-ewwel logħba kontra Tottenham reġgħu kienu tajbin.

Minkejja t-telfa, il-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino jista’ jibni fuq il-prestazzjoni tat-tim fit-tieni taqsima hekk kif qasmu l-logħob mal-avversarji għalkemm ma kinux ta’ periklu għal Onana. Ajax kienu kuntenti bir-rebħa iżda dakinhar setgħu rduppjaw kieku x-xutt fil-baxx ta’ David Neres ma ħabatx mal-lasta kwarta mit-tmiem.

Ajax setgħu jserrħu l-plejers fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fir-rebħa barra minn darhom kontra Willem II u ma għandhomx problemi ġodda ta’ plejers imweġġgħin. Fost il-plejers li lagħab fl-aħħar logħba kien hemm il-veteran Klaas-Jan Huntelaar li skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 4-0. Wara r-riżultat tal-ġimgħa l-oħra, il-kowċ Erik ten Hag mistenni jibda bl-istess formazzjoni.

Pochettino żgur li se jinkludi lil Heung-Min Son li kien sospiż għall-ewwel konfront iżda l-Arġentin se jkollu nieqes lil Davinson Sanchez filwaqt li d-difensur l-ieħor Jan Vertonghen mistenni jilgħab b’maskla. Harry Kane għadu qed jirkupra.

Ajax ilhom mhux megħluba minn nofs Marzu u skorjaw għaxar gowls fl-aħħar żewġ logħbiet f’darhom. Tottenham ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi ta’ 1-0. Il-logħba tal-lum se tkun ir-raba’ dwell bejn iż-żewġ timijiet. Tottenham kienu rebħu ż-żewġ logħbiet fit-Tazza tat-Tazzi fl-1981.