Lokali

ARA: Muscat komdu b’Konrad Mizzi u jibqa’ joħroġ għonqu għalih

Joseph Muscat huwa komdu b’Konrad Mizzi bħala wieħed mill-Ministri tiegħu. Anki issa li hu jinsab għaddej taħt inkjesta kriminali rigward l-iskandlu tal-Panama.

Meta kien iffaċjat b’domandi tagħna, Muscat prova jalludi li mhux veru għaddejja inkjesta – dan meta l-Maġistrat Doreen Clarke tat deċiżjoni ċara fid-digriet tagħha, bl-inkjesta issa tingħaqad mal-evidenza li qed tiġbor il-Maġistrat Charmaine Galea.

Dan juri allura juri aktar biċ-ċar, li wara d-digriet tal-Qorti li qalet li hemm diversi fatti li jistgħu jindikaw li sar reat, għal Muscat bħal donnu xejn mhux xejn.

Il-kummenti tal-Prim Ministru waslu fi tmiem żjara li għamel fl-ITS, b’Konrad Mizzi maġenbu – l-istess Ministru li 24 siegħa qabel baqa’ jaħrab mir-realtà ta’ inkjesta u baqa’ jgħid li kulħadd għandu żball, barra hu.

Sadanitant, il-ġurnalisti qajjmu wkoll il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi li preżenta fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru fil-Parlament – dikjarazzjoni li hi fotokopja ta’ dak li Muscat ilu jiddikjara sa mill-2014.

Rapport fis-Sunday Times tal-Ħadd li għadda rrimarka illi intbagħtu diversi domandi lil Kastilja dwar dan, iżda l-mistoqsijiet speċifici baqgħu mhux imwieġba.