Lokali

Familja tgħix taħt saqaf li wasal biex jaqa’

Familja li tgħix fil-housing estate tar-Rabat, Malta, qed tistenna l-mewt minn ħin għall-ieħor, mirduma taħt is-saqaf ta’ daru.

Ritratti li waslu għand Net News juru kif is-saqaf tar-residenza, fi kmamar fejn dawn ir-residenti jqattgħu fost l-iktar ħin inkluż il-kċina, wasal biex iċedi.

Hu evidenti li x-xorok tas-saqaf issaddu u qed jaqsmu s-saqaf, tant li minn in għall-ieħor jaqa’ t-tikħil jew il-konkos.

Net News staqsa għaliex dawn ir-residenti jibqgħu jgħixu f’dan il-post, iżda b’pensjoni ta’ €690 fix-xahar, m’għandhomx għażla oħra.

Minkejja dan il-periklu kostanti, l-awtoritajiet baqgħu jinjoraw is-sitwazzjoni tant li s-sidien ilhom seba’ xhur jistenna telefonata fejn jinfurmawhom li sabu soluzzjoni. L-unika ħaġa li semgħu mill-awtoritajiet kienet twissija biex joqgħodu attenti għax il-post hu perikoluż u kundannat.

Dan ikompli jikkonferma kif il-problema li ħoloq Gvern Soċjalista, li għadu ma lestiex post wieħed biex iservi bħala akkomodazzjoni soċjali, mhux biss qed twassal għal sitwazzjoni ta’ faqar imma wkoll ta’ periklu għal saħħet in-nies.