Lokali Parlament

Hemm bżonn li ningħaqdu biex insolvu l-problemi, mhux ma nammettux li nqasna

Meta kienet qed titkellem fuq l-estimi tal-Housing, id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li hemm il-ħtieġa li l-politiċi jingħaqdu biex insolvu l-problemi li qed jolqtuna. Mhux sew li ma nammettux li nqasna. Morna lura fil-Housing, grazzi għal problemi tal-persuni nniffishom li qed iwassluhom għal problemi soċjali.

Ħafna mill-piż dan qed iġorru l-mara, li sfortunatament f’Malta għadha lura meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Statistika li turi biċ-ċar li dan qed jiġri hija li l-pagi tan-nisa meta mqabbla ma’ tal-irġiel għall-istess xogħol hija l-agħar meta mqabbla mal-medja Ewropea.

Il-kelliema qalet li tant hija gravi li d-differenza f’Malta li telgħet għal 22.3 fil-mija, meta il-medja Ewropea hija ta’ 11.6 fil-mija. Qalet ukoll li meta wieħed jitkellem dwar il-problemi jiffaċjaw in-nisa, jissemmew iċ-Child Care Centres, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha.

Imma ċ-Child Care Centres mhumix is-soluzzjoni ta’ kollox. Dan għax din id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel se tirrifletti wkoll fil-pensjoni. Hija tkellmet ukoll mhux biss dwar ix-xogħol full-time, fejn il-mara qed tingħata salarju anqas, iżda anke fejn jidħol xogħol part-time.

Claudette Buttigieg staqsiet x’qed isir biex in-nies ma jinżlux l-isfel fil-faxxa tas-soċjeta, u qalet kemm huwa sabiħ li ma jkunx hawn differenzi kbar u qalet li f’dawn iż-żminijiet fejn ninsabu f’kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, kulħadd jitfra’ l-istatements bl-addoċċ.

Il-kelliema semmiet ukoll il-problemi li qed jiffaċċaw il-koppji żgħażagħ li hemm numru minnhom li ma jaffordjawx li jkollhom dar. Qalet li koppja dan l-aħħar qaltilha li se jispiċċaw jiżżewwġu u jibqgħu jgħixu mal-ġenituri. Tenniet li ma hemm xejn ħażin dwar dan, qalet li madankollu kull koppja tkun tixtieq li tkun sid ta’ darha.

Tkellmet ukoll dwar in-numru kbir ta’ żgħażagħ li qed jitilqu kmieni mill-iskola, fejn qalet li dawn mhumiex riżultat ta’ dan il-Gvern. Għalhekk huwa ħażin li nibqgħu infettqu fuq il-ħmerijiet, flok inxammru l-kmiem u naraw x’se nagħmlu.

In-numru li ma jridux jafu aktar bi skola huwa kbir, u dawn ħafna minnhom lanqas jafu x’se jaqbdu jagħmlu b’ħajjithom. Hija appellat biex flimkien isiru diskussjonijiet sabiex id-diversi problemi li jintirtu jissolvew.