Futbol Sport

Hibernians ifittxu vendetta sportiva kontra Valletta fl-aħħar kwarti tal-finali tal-FA Trophy

(Ritratt: Joseph Galea)

Hibernians u Valletta se jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin illum fis-6.30pm fl-aħħar kwarti tal-finali tal-FA Trophy, erbat ijiem wara li lagħbu fid-decider għar-rebħ tal-kampjonat. Iż-żewġ timijiet spiċċaw il-kampjonat bi 58 punt u l-logħba tas-Sibt li għadda uriet li d-differenza bejn it-tnejn hi minima. Minbarra l-aħħar konfront li ġie deċiż bil-penalties, Hibernians rebħu 2-1 fl-ewwel rawnd tal-kampjonat meta dawru telfa f’rebħa b’żewġ gowls lejn it-tmiem filwaqt li Valletta rebħu bl-istess skor fit-tieni rawnd b’penalty lejn it-tmiem.

It-Tnejn li għadda ħarġet allegazzjoni serja mill-attakkant Taylon Marcolino li persuna bagħtet persuna oħra d-dar tiegħu u offriet flus lilu biex ma jilgħabx is-Sibt. Dan il-każ jinsab għand l-awtoritajiet konċernati li għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.

Wieħed irid jara jekk il-kowċis rispettivi hux se jkunu sfurzati jagħmlu xi bidliet minħabba l-kundizzjonijiet fiżiċi tal-plejers li lagħbu sagħtejn fid-decider. Il-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius kellu lil Jonathan Caruana u Rowen Muscat li nbidlu waqt il-logħba filwaqt li Raed Saleh se jirritorna wara li tkeċċa fl-aħħar logħba tal-kampjonat. Stefano Sanderra jista’ jirkupra lil Marcelo Dias li tilef il-logħba tas-Sibt u b’hekk Joseph Mbong mistenni jkun utilizzat fil-fażi offensiva. Għalhekk plejer bħal Marco Sahanek jista’ jibda minn fuq il-bank tas-sostituti u jkun għażla importanti għall-kowċ Taljan matul il-logħba.

Ir-rebbieħ ta’ din il-logħba jilgħab is-semifinali l-Ħadd li ġej kontra Gżira United.