Il-Koppja Rjali Harry u Meghan ippreżentaw lil binhom lill-media li kienu fis-St George’s Hall ta’ Windsor Castle. Dan qabel il-konferma, ftit sigħat wara, li hu ingħata l-isem ta’ Archie Harrison Mountbatten-Windsor.
It-tifel inżamm f’idejn il-Prinċep Harry, li spjega lill-uniku ġurnalist u lill-fotografi preżenti kemm huma ferħana li kollox mar b’wiċċ il-ġid u binhom twieled qawwi u sħiħ.
Meghan qalet li binhom se jkun ippreżentat lir-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Edinburgh aktar tard, filwaqt li qrib tagħhom hemm ukoll ommha Doria, li waslet l-Ingilterra minn Los Angeles appena kienet taf li bintha kienet qrib li twelled.



