Lokali

Il-Gvern għadu lanqas biss jaf x’se jagħmel bl-iskart tat-tħaffir tal-mina

Min jgħid mod, u min jgħid ieħor – fi ftit iktar minn 24 siegħa, tliet esponenti tal-Gvern Soċjalista għamlu tliet dikjarazzjonijiet kunflinġenti dwar ir-reklamazzjoni tal-art.

It-Tnejn, waqt Kumitat Parlamentari, il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera qal lil resident tax-Xgħajra li mhix skuża li jgħid li hu kontra r-reklamazzjoni tal-art sempliċiment għax se jitlef il-veduta tal-baħar.

“Jekk jien se nieħu żona biex inkabbar il-kosta, tgħidlix li għax jien qiegħed mal-kosta se nitlef il-veduta. Jekk se jsir żvilupp, xi ħadd se jiġu preġudikat,” stqarr il-Ministru Herrera.

Xi xhur ilu, il-Ministru Herrera kien diġa ddikjara li r-reklamazzjoni tal-art mhux se ssir biex ikollna l-għelieqi, għaliex din mhix għażla vijabbli.

Ftit tas-sigħat biss qabel, il-Prim Ministru ddikjara li l-Gvern tiegħu deċiż li jagħmel il-mina bejn Malta u Għawdex, akkost ta’ kollox, bil-konsegwenza li se jinħoloq ammont kbir ta’ skart tal-kostruzzjoni. Madankollu qal li s’issa għadu ma ġiex deċiż x’se jsir bih.

“Int meta tiġi biex tħaffer se toħroġ l-iskart tal-kostruzzjoni. Jekk titfgħu fil-barrieri, inkunu mlejna qisu b’sena sħiħa lill-barrieri. Inkella nistgħu niddeċiedu li nibqgħu nitfgħu l-iskart ‘il barra mill-ibħra Maltin u fl-ibħra territorjali kif kien isir fi żmien l-Ingliżi, jew fuq kollox niddeċiedu fuq kollox jekk għandniex nużawh għal reklamazzjoni tal-art,” iddikajra l-Prim Ministru.

Dan fl-istess waqt li n-nies ta’ Marsaskala u x-Xgħajra għadhom jistennew garanzija bil-miktub li r-reklamazzjoni tal-art mhux se ssir fl-inħawi tagħhom.

Il-Ħadd, waqt l-attività politika tal-Partit Laburista fl-Isla, kien il-kandidat Josef Caruana li ta verżjoni differenti meta ddikjara li jrid gżira mimlija siġar fejn in-nies jistgħu jagħmlu l-passiġati.

“Nistgħu nagħmlu ġnien pereżempju, biex igawdu l-familja tagħna. Jew inkella, fuq livell ikbar għaliex le, jista’ jkollna gżira ‘l barra fejn ikollna foresta, b’postijiet fejn wieħed jista’ jippassiġġa, spazji pedonali jew għar-roti,” qal Caruana.

Dan f’konferma li l-Gvern ma fadallux ideat dwar kif se jsolvi l-problema ta’ pajjiż fgat, tant li issa esponenti tiegħu jridu jibagħtu n-nies fuq gżira ġdida biex igawdu ftit arja friska.