Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal azzjoni mmedjata biex ikunu megħjuna l-bdiewa

Il-Gvern Soċjalista Malti għandu jieħu deċiżjoni immedjata dwar jekk iridx isalva l-prodott frisk lokali, l-għajxien tal-bdiewa Maltin u Għawdxin kif ukoll is-settur tal-biedja Malti.

Dan hekk kif il-bdiewa, iktar minn qatt qabel, qed jaffaċċjaw diversi sfidi li wasslu fost oħrajn biex il-popolazzjoni tal-bdiewa Maltin u Għawdxin naqset drastikament fl-aħħar snin.

“Irridu nagħmlu d-deċiżjonijiet,” appella Adrian Delia, li kompla li hemm bżonn tittieħed deċiżjoni dwar jekk irridu jew ma rridux insalvaw ir-raba tagħna. Irridu jew ma rridux insalvaw il-bdiewa tagħna, ir-raħħala tagħna, il-prodott Malti. Irridu nagħmlu dak li għandu jsir, issa, għax inkella jkun tard wisq.”

Iddikjara dan il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, meta l-Erbgħa żar l-Imġarr, INKLUŻ Iż-żona taż-Żebbiegħ u Ta’ Santi, fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ familji sħaħ ta’ bdiewa li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mir-raba.

Il-bdiewa tkellmu dwar “diversi problemi fosthom tal-kwalità tal-ilma, il-provvista u distribuzzjoni tal-ilma. Hemm ukoll il-fragmentazzjoni tal-art u kif nistgħu ngħinu biex ikun hemm iktar art li l-bdiewa tagħna jistgħu jaħdmu.”

Iżda l-ikbar problema komuni li kellmuh dwarha l-bdiewa kienet l-abbuż ta’ min ibiegħ il-prodotti billi jqarraq – jirriklama dak li hu prodott barrani daqslikieku hu prodott frisk Malti bi prezz irħas u allura bi profitt ikbar għalih.

Fid-dawl ta’ dan, l-Oppozizzjoni qed tressaq sensiela ta’ ideat; fosthom informazzjoni għall-pubbliku, riklamar tal-prodott Malti u penali ħorox għal min jabbuża.

“Irridu naħdmu flimkien. Il-Maltin iridu jiddeċiedu jridux fuq il-mejda tal-ikel tagħhom, il-prodott Malti u Għawdxi li ilu għal eluf ta’ snin. Iridu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati u jitolbu għall-prodott tagħhom. Irridu jkollna sistemà ta’ marketing fejn il-prodott Malti intuh il-valur tiegħu, nuruh u nippreżentawh ħalli jkun jista’ jġib prezz aħjar għall-bdiewa tagħna. Il-Gvern irid jara li jimplimenta sistemà fejn dak li qed jagħmlu miżrappentanza tal-prodott, jititeħdu l-passi ħalli jipproteġu l-prodott u lill-bidwi Malti,” stqarr Adrian Delia.

Waqt il-laqgħa mal-bdiewa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-kordinatur politiku Jean Pierre Debono u l-kandidati ghall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr.

Adrian Delia wiegħed ħidma mill-Oppożizzjoni biex jinġiebu kemm jista’ jkun fondi b’risq il-biedja u l-bdiewa lokali, inkluż b’fondi mill-Unjoni Ewropea.