Lokali

Il-PN se jaħdem biex pajjiżna verament isir pajjiż nadif għalina u għal uliedna

Il-PN bi proposti konkreti għal arja, baħar u enerġija nadifa

It-tkabbir ekonomiku bit-tkabbir tal-popolazzjoni qed iħalli impatt fuq l-ambjent Malti


Il-Partit Nazzjonalista għandu proposti konkreti u se jaħdem biex pajjiżna verament isir pajjiż nadif għalina u għal uliedna għax in-nuqqas ta’ pjan ambjentali tal-Gvern Soċjalista wassal biex pajjiżna issa għandu t-tieni l-akbar tniġġis fl-arja fl-Ewropa. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fiż-Żejtun bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li jrid arja nadifa li tagħti s-saħħa u mhux li tmarrad. Dan meta l-istatistika tal-Eurostat ikkonfermat li pajjiżna kellu t-tieni l-akbar żieda ta’ tniġġis fl-ajru fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, bi spiża akbar għas-saħħa meta kull sena sfortunatament imutu 600 persuna minħabba mard respiratorju relatat mat-tniġġis, li huwa kkawżat mill-emissjonijiet fl-ajru biż-żieda qawwija tal-karozzi fit-toroq bil-mudell ekonomiku tal-Gvern Soċjalista li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan. Huwa qal li jrid kwalità tal-enerġija li ma tniġġis u li tkun magħmula mir-riżorsi naturali filwaqt li noħolqu wkoll ekonomija ċirkolari.

Adrian Delia qal li jrid ambjent nadif bi spazji miftuħa u b’kampanja sabiħa għaliex pajjiżna huwa ġojjell u jekk jinqered l-ambjent ma nkunux nistgħu nirkuprawh. Għalhekk ukoll fil-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-PN qed jipproponi li jiżdiedu l-programmi u l-inizjattivi għal aktar tħawwil ta’ siġar u żieda fl-inċentivi u l-għajnuniet lill-bdiewa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN jinsab impenjat ukoll favur baħar li jkun aktar nadif b’politika serja dwar l-immaniġġjar tal-iskart u r-riċiklaġġ. Dan meta l-istatistika Ewropea turi li taħt Gvern Soċjalista pajjiżna spiċċa l-aħħar fir-riċiklaġġ tal-iskart fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li din il-politika serja tinkludi inċentivi b’saħħithom biex neqirdu darba għal dejjem is-single use plastic. Din hija proposta oħra konkreta li l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN se jkunu qed jaħdmu fuqha mill-Parlament Ewropew.

Adrian Delia qal li rridu nuru lil uliedna li verament nistgħu nagħtuhom pajjiż li jkun nadif, mhux bħall-Gvern Soċjalista li nefaq €700,000 f’reklamar u PR biex jippruvaw jgħatti r-riżultati ferm negattivi li kiseb fl-ambjent. Huwa qal li l-MEPs tal-PN jinsabu impenjati biex il-ħarsien l-ambjent tkun prijorità biex pajjiżna ma jibqax jaqa’ lura mil-livelli ambjentali maqbula mal-Unjoni Ewropea biex kulħadd ikun jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan apparti proposti oħrajn fil-manifest elettorali biex pajjiżna jsir carbon neutral u jkun hawn sistemi ta’ trasport alternattiv b’investiment qawwi tal-fondi Ewropej.