Lokali

“Il-prodott Malti se jispiċċa” – appell għall-għajnuna mill-bdiewa tal-Imġarr

Il-prodott Malti wasal biex jintilef jekk il-Gvern mhux se jintervjeni immedjatament, safejn ittih il-liġi, biex dak li jipproduċu l-bdiewa Maltin ikun imħares.

Jiddikjara dan wieħed mill-bdiewa tal-Imġarr, Ċensu Camilleri, li jispjega kif il-bdiewa qed jippreferu jarmu l-prodott Malti flok imorru l-pitkalija biex ibiegħu kaxxa frott jew ħaxix għal ewro biss.

“Jiddispjaċini ngħid li l-prodott barrani qed jitħallat mal-prodott ta’ Malta, u hemm qed nirriskjaw li nitilfu l-prodott tagħna. J’Alla l-Gvern jieħu azzjoni dwar dan,” appella dan il-bidwi f’kummenti lil Net News.

Kompla li “ċertu prodotti speċjalment meta jkunu fl-istaġun tagħhom, dawn qed jispiċċaw bi prezz miżeru li jaqbillek tqattgħu fl-għalqa milli tieħdu l-pitkalija.”

Fid-dawl ta’ dan jistqarr li hu “importanti li l-Gvern, fejn għandek dawn il-prodotti, jinfiltra u jgħin lill-bdiewa li jkunu għamlu xogħolhom u spejjeż kbar ġol-għalqa biex jgħinhom biex ikunu jistgħu jsalvaw dak il-prodott li jkunu kabbru.”

Sadattant il-bdiewa jinsabu abbandunati wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens imwiegħed mill-Gvern, biex itaffu ftit mill-ispejjeż ikkawżati mill-maltempata ta’ Frar li għadda.

Minkejja li għadda kważi xahar u nofs mill-maltempata, mill-flus imwegħda s’issa l-bdiewa mhux biss għadhom ma raw xejn, iżda lanqas jafu fiex wasal il-proċess biex jieħdu l-kumpens.

“Naf żewġ bdiewa li għadhom jibdew dan il-mestier li litteralment, b’serra tadam jgħaxxqek, tefagħhielhom kollha għal isfel. Żewġ żgħażagħ li litteralment spiċċaw fixxa. Wara din il-ħsara kollha, li nies bħal dawn ħalliethom lampa stampa, ġeja mwegħdin li se nirċievu xi għajnuna. Pero s’issa, fil-but m’għandna xejn. Nittamaw li jkun dan is-sens ta’ ħniena,” iddikjara Pawlu Camilleri.

Kompla li “l-Gvern Malti għandu jgħin biex itaffi ftit, forsi, il-bdiewa bħalma huma dawn il-bdiewa jerġgħu jirpiljaw.”

Immedjatament wara l-maltempata, fi tmiem Frar il-Partit Nazzjonalista kien appella lill-Gvern biex jimplimenta miżuri ta’ emerġenza favur il-bdiewa biex ikunu jistgħu jippreparaw għall-istaġun tal-produzzjoni li jmiss.

Il-Partit Nazzjonalista kien offra wkoll l-għajnuna tiegħu biex jidħol fis-seħħ proċess li permezz tiegħu issir applikazzjoni għall-fondi Ewropej b’kumpens għall-ħsarat.