Ambjent Lokali Saħħa

It-tieni l-akbar żieda fl-ammont ta’ tniġġis – Eurostat

Ċifri maħruġa mill-Eurostat għas-sena li għaddiet jikkonfermaw li f’Malta u l-Latvija kienu reġistrati l-akbar żidiet fl-emmissjonijiet – konferma kemm it-tniġġis f’pajjiżna kompla jiżdied, meta fil-bqija tal-UE kien hemm tnaqqis ta’ 2.5 fil-mija fl-emmissjonijiet.

Meta saret analiżi ta’ sena sħiħa, iż-żieda fl-emmissjonijiet f’Malta kienet it-tieni l-agħar minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Il-Latvija biss kellha riżultat agħar minn pajjiżna.

Fl-2018, l-emmissjonijiet f’Malta żdiedu b’6.7 fil-mija – ferm agħar mill-Estonja, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Litwanja.

Ir-realta’ hi, li gvernijiet oħra Ewropej għamlu minn kollox biex inaqqsu t-tniġġis fl-arja tant illi pajjiżi bħall-Portugall, il-Bulgarija, l-Olanda u l-Kroazja rreġistraw tnaqqis fl-emmissjonijiet b’riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi li ħadu fl-aħħar xhur, u pjan ċar f’dan ir-rigward għas-snin li ġejjin.

Il-kwistjoni serja tal-emmissjonijiet u t-tniġġis fl-arja kienet tema ewlenija li tratta l-PN fl-ewwel jiem tal-kampanja li għaddejja bħalissa għall-MEPs, bil-Gvern Soċjalista donnu abbanduna għal kollox din il-kwsitjoni li tolqot direttament is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.